It-tim stellari li jiswa €668 miljun

Fis-suq tat-trasferimenti li għalaq ftit tal-jiem ilu, rajna diversi trasferimenti li jammontaw għall-miljuni kbar tal-ewro tul id-dinja kollha. F’dan l-artiklu se nkunu qed nagħtu ħarsa lejn kif ikun qed jidher tim bil-plejers li l-iktar jiswew flus fil-pożizzjoni rispettiva tagħhom. Tajjeb ngħidu li jekk tgħodd kemm jiswew dawn il-plejers kollha flimkien, dan it-tim jiġi jiswa s-somma ta’ xejn inqas minn €668 miljun. Barċelona ħallsu somma enormi għal Luis Suarez, Paris Saint-Germain nefqu bil-kbir biex jakkwistaw lil David Luiz, Manchester City kellhom spiża kbira biex jakkwistaw lil Eliaquim Mangala waqt li Manchester United kisbu liż-żagħżugħ Luke Shaw biex għamlu lil dan il-plejer l-iktar left-back u anke plejer żagħżugħ li jiswa flus fl-istorja tal-futbol mondjali. Ma nistgħux ma nsemmux lil Real Madrid li akkwistaw lil Toni Kroos u lil James Rodriguez biex komplew ikabbru l-valur tat-tim tagħhom wara li fis-snin riċenti kienu ħallsu somom eżorbitanti ta’ flus biex jakkwistaw lil Cristiano Ronaldo u Gareth Bale rispettivament. 

Tant kemm Real Madrid nefqu miljuni ta’ flus fl-aħħar snin li t-tim tagħhom mimli Galacticos li lagħab kontra Sevilla ftit tal-jiem ilu fil-finali tas-Super Cup Ewropea kien jammonta għal kważi €500 miljun. Għall-kronaka Real Madrid rebħu din il-finali bl-iskor ta’ 2-0 b’doppjetta tas-solitu Ronaldo. B’Ronaldo, Bale u James Rodriguez, Real Madrid għandhom tliet fenomeni li għal kull wieħed minnhom ħallsu minn tal-inqas €80 miljun. 

Madankollu huma ftit taw każ tad-difiża fejn nefqu ftit li xejn, xi ħaġa li tikkuntrasta ma’ PSG li akkwistaw lid-difensur Brażiljan David Luiz. Nibdew nagħtu ħarsa lejn dan it-tim, plejer bi plejer. Bejn il-lasti nsibu lill-goalkeeper ta’ Juventus u tat-tim nazzjonali Taljan, Gianluigi Buffon, li huwa l-iktar goalkeeper li jiswa flus wara t-trasferiment ta’ €51 mingħand Parma għal Juventus lura fis-sajf tal-2001. Bħala right-back insibu lil Dani Alves li ngħaqad ma’ Barċelona għas-somma ta’ €35 fl-2008. Paris Saint-Germain għamlu lil David Luiz l-iktar difensur li jiswa flus fid-dinja iktar kmieni matul dan is-sajf meta ħallsu lil Chelsea s-somma kbira ta’ €50 miljun biex jakkwistaw lil dan il-plejer internazzjonali Brażiljan. 

Iżda Manchester City nefqu iktar minn PSG biex jakkwistaw is-servizzi ta’ Eliaquim Magala ftit tal-jiem ilu mingħand Porto bil-Portugiżi jirċievu s-somma ta’ €30.5 miljun għal 56.67% tad-drittijiet tiegħu, biex it-trasferiment totali biex jiġi akkwistat dak il-plejer kien dak ta’ €53 miljun. L-internazzjonali Ingliż Luke Shaw jirbaħ l-irwol tal-iktar left-back sinjur wara t-trasferiment li kien ammonta għal €37 miljun mingħand Southampton għal Manchester United iktar kmieni matul dan is-sajf. Iż-żewġ plejers ta’ nofs il-grawnd fil-formazzjoni li qed nipproponu – dik ta’ 4-2-1-3, huma l-plejer ta’ Bayern Munich Javi Martinez li ħalla lil Athletic Bilbao għas-somma ta’ €40 miljun fl-2012, kif ukoll l-internazzjoanli Belġjan ta’ Zenit St Petersburg li sewa lill-ġganti Russi l-istess somma ta’ flus ta’ Martinez. 

L-internazzjonali Kolumbjan James Rodriguez li tant impressjona fl-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fil-Brażil fejn fil-fatt spiċċa biex kien l-aqwa skorer tat-tournament ingħaqad ma’ Real Madrid mingħand Monaco għas-somma ta’ xejn inqas minn €80 miljun. B’hekk huwa sar l-iktar attacking midfielder li jiswa flus fid-dinja. Fl-attakk insibu tliet attakkanti prolifiċi li jimmilitaw fil-Liga Spanjola, kampjonat meqjus bħala l-isbaħ, l-aqwa, l-iktar wieħed li joffri emozzjonijiet u l-iktar wieħed diffiċli fid-dinja. 

Dan id-dipartiment jirrappreżenta ksur ta’ rekords ta’ flus li tħallsu fi trasferimenti biex jiġu ingaġġati dawn it-tliet attakkanti li ġejjin. Nibdew b’Gareth Bale li Real Madrid ħallsu għalih is-somma inkredibbli ta’ €100 miljun biex jakkwistawh mingħand Tottenham Hotspur tal-Ingilterra matul is-sajf li għadda u huwa għalhekk li Bale huwa magħruf bħala l-‘Mr Million Euro’, fejn tajjeb ngħidu li bosta segwaċi tal-futbol mondjali huma tal-fehma li tabilħaqq Bale għalkemm ma rridux bl-ebda mod immaġinabbli nneħħu mill-merti kalċistiċi tiegħu mhuwiex denju li jkun jiswa dawk il-flus kollha kif wara kollha l-ebda plejer mhu. Qabel Bale, Real Madrid kienu diġà ingaġġaw lill-fenomenu Portugiż Cristiano Ronaldo għas-somma ta’ €94 miljun mingħand Manchester United. 

L-akkwist il-ġdid ta’ Barcelona, il-famuż Luis Suarez mingħand Liverpool jikkonkudi dan it-tim stellari, fejn sewa lill-Katalani s-somma ta’ xejn inqas minn €88, iktar kmieni matul dan is-sajf. Rimarkabbli huwa l-fatt li bosta plejers ta’ fama u klassi mondjali ma jagħmlux parti minn dan it-tim stellari u li l-iktar li jiswew flus. Fost dawn insibu lil ħadd ħlief Zlatan Ibrahimovic, Kaka, Edinson Cavani, Radamel Falcao, Fernando Torres, Neymar, Hulk, Sergio Aguero, Juan Mata u Thiago Silva.

More in Sports