Intervista Lokali Barranin

Manchester United jitilfu f’darhom fil-logħba inawgurali għall-ewwel darba sa mill-1972

Il-kowċ il-ġdid ta’ Manchester United, Louis van Gaal ma setax kellu debutt agħar mar-Red Devils

Cristian Muscat / 18 t'Awwissu 2014 17:05
Sigurdsson jiċċelebra wara li skorja t-tieni gowl għal Swansea City li fisser tliet punti prezzjużi għat-tim tiegħu u umiljazzjoni kbira għal Manchester United
Il-kowċ il-ġdid ta’ Manchester United, Louis van Gaal ma setax kellu debutt agħar mar-Red Devils meta t-tim tiegħu sofra telfa xokkanti kontra t-tim ferm inferjuri ta’ Swansea City bl-iskor ta’ 2-1 f’Old Trafford. Din kienet l-ewwel darba li Swansea City għelbu lill-United ġewwa l-iStadium tagħhom magħruf bħala t-Theatre of Dreams. Barra minn hekk din kienet l-ewwel darba li l-United tilfu ġewwa darhom fil-logħba inawgurali tal-Kampjonat Premier Ingliż sa mill-1972. Kienu Swansea City li fetħu l-iskor permezz ta’ Sung Yueng-Ki fit-28 minuta bil-captain tar-Red Devils Wayne Rooney iġib il-parità għat-tim tiegħu fit-53 minuta permezz ta’ rovexxata sabiħa. 

Iżda kellhom ikunu Swansea City li joħorġu fuq in-naħa rebbieħa ta’ dan il-konfront meta Sigurdsson tefa’ ġewwa mill-viċin fit-72 minuta biex ta’ tliet punti prezzjużi lil Swansea City. F’logħba oħra Tottenham Hotspur barra minn darhom għelbu lil West Ham United bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-gowl uniku tagħhom jiġi skurjat propju fl-94 minuta permezz ta’ Erik Dier li kien qed jiddebutta mal-iSpurs propju lbieraħ. Tajjeb ngħidu li f’din il-logħba rajna minn kollox fosthom żewġ tkeċċijiet – waħda fuq kull naħa b’Naughton u James Collins jitkeċċew għal Tottenham Hotspur u West Ham United rispettivament. 

Rajna wkoll penalty mitluf minn Mark Noble għal West Ham United man-nofs siegħa logħob. Fil-konfront bejn Leicester City u Everton rajna erba’ gowls bil-konfront ta’ bejn dawn iż-żewġ timijiet jintemm f’parità ta’ 2-2. Il-gowls għal Everton waslu minn McGeady waqt li l-gowls għal Leicester City waslu minn Uloa u Wood. Hull City kisbu tliet punti ferm prezzjużi meta barra minn darhom għelbu lil Queens Park Rangers bl-iskor ta’ 1-0 bil-gowl waħdieni tagħhom jasal minn Jelavic waqt li Charlie Austin falla penalty għall-QPR fl-84 minuta. Bl-istess skor intemmet il-logħba bejn Aston Villa u Stoke City fejn il-gowl uniku fil-logħba għal Villa wasal minn Andreas Weimann fil-50 minuta. 

Bħal fil-logħba bejn Leicester City u Everton rajna erba’ gowls oħra fil-konfront bejn West Bromwich Albion u Sunderland bil-gowls għal WBA jaslu minn doppjetta ta’ Berahino b’wieħed minn dawn iż-żewġ gowls jasal propju minn penalty waqt li Cattermole u Larsson rnexxielhom isibu x-xibka għal Sunderland. Intant, Arsenal, fl-Emirates Stadium għelbu lil Crystal Palace bl-iskor ta’ 2-1 bil-gowls għalihom jaslu minn Koscielny u Ramsey propju fid-90 minuta. Il-gowl għal Crystal Palace wasal minn Brede Hangeland fil-35 minuta. Tajjeb ngħidu li l-Palace spiċċaw jilagħbu b’10 plejers fid-89 minuta meta tkeċċa għalihom il-plejer Jason Puncheon.

Riżultati

Riżultati Kampjonat Barclays Premier

Is-Sibt 16 ta’ Awwissu

Manchester U. vs Swansea C.        1-2

Leicester C. vs Everton        2-2

QPR vs Hull C.        0-1

Stoke C. vs Aston Villa        0-1

WBA vs Sunderland        2-2

West Ham U. vs Tottenham H.        0-1

Arsenal vs Crystal P.        2-1

Fixtures Kampjonat Barclays Premier

Il-Ħadd 17 ta’ Awwissu

14:30 Liverpool vs Southampton

17:00 Newcastle vs Manchester C.

It-Tnejn 18 ta’ Awwissu

21:00  Burnley vs Chelsea

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook