Chicarito jista’ jsieħeb lil sieħbu Vidic ma’ Inter

Wara li ftit tax-xhur ilu Inter akkwistaw lill-eks captain Serb ta’ 32 sena ta’ Manchester United, Nemanja Vidic liema difensur internazzjonali se jkun qed jingħaqad man-Nerazzuri matul is-sajf li ġej, qed jissemma’ li jista’ jsieħeb lil dan il-plejer mat-tim minn Milan stilla ieħor tat-tim minn Old Trafford.

Chicharito jista’ jkun wieħed mill-akkwisti ta’ Inter fil-jiem li ġejjin
Chicharito jista’ jkun wieħed mill-akkwisti ta’ Inter fil-jiem li ġejjin

Kien hemm spekulazzjonijiet li dan il-plejer seta’ jkun il-Franċiż Evra jew il-Ġappuniż Kagawa iżda kollox jindika li jeżistu possibbiltajiet kbar li dan il-plejer li jingħaqad ma’ Inter fil-fatt ikun Javier Hernandez iktar magħruf bħala Chicarito, fejn tajjeb ngħidu li wiret dan il-laqam mingħand missieru li wkoll kien jissejjaħ b’dan it-titlu! 

Manchester United kienu akkwistaw lil Hernandez mingħand Chivas għas-somma ta’ 6 miljun Sterlina fl-2010 iżda wara tliet staġuni tal-ogħla livell mar-Red Devils, b’35 gowl fil-Kampjonat Premier, spiċċa biex prattikament intesa kemm mill-partitarji tal-United kif ukoll mis-segwaċi tal-futbol mondjali speċjalment dak Ingliż. U dan l-iktar minħabba injury serja li sofra fil-koxxa f’nofs Awwissu li għadda. Jidher ukoll li David Moyes ma tantx għandu fiduċja u interess f’dan il-plejer hekk kif matul dan l-istaġun utilizzah biss erba’ darbiet bħala plejer titolari. 

Però jekk nieħdu l-kompetizzjonijiet kollha li kienu involuti Manchester United matul dan l-istaġun fosthom il-Carling Cup, l-FA Cup u l-UEFA Champions League huwa beda 10 darbiet mill-bidu tal-logħba u skorja 7 gowls, li mhux ammont ħażin. Il-kuntratt tiegħu mar-Red Devils jiskadi fl-2016 però jidher li ma’ Manchester United fejn mhux qed jingħata spazju ma jridx jibqa’ iktar. U għalhekk Inter approfittaw bis-sħiħ minn dan fejn qed jippuntaw fuq dan l-attakkant li dejjem sab il-gowl faċilment u l-fatt li lanqas għadu biss għalaq is-26 sena hekk kif twieled fl-1 ta’ Ġunju tal-1988 jaqblu perfettament mal-ideat ta’ Erick Thohir li bħal President ta’ qablu Massimo Moratti jidher li għandu simpatija partikolari għall-plejers ta’ Manchester United. 

Niftakru li Moratti xtaq ferm li jakkwista s-servizz tal-attakkant kontroversjali Franċiż Eric Cantona. Però ma kienx irnexxielu jagħmel dan u minflok ingaġġa lill-eks plejer internazzjonali Ingliż Paul Ince, iktar magħruf bħala l-gladjatur ta’ Old Trafford, li mbagħad sar wieħed mill-aqwa plejers ta’ nofs il-grawnd ta’ Inter. B’hekk is-segwaċi ta’ Inter b’mod partikolari għandhom iħejju bis-sħiħ għall-wasla probabbli ta’ Chicarito mat-tim favorit tagħhom!

More in Sports