Intervista Lokali Barranin

In-nisa tagħhom

Għaxra fost l-isbaħ nisa tal-plejers li ħadu sehem fit-Tazza tad-Dinja 2014

Jean Pierre Cassar / 20 ta' Lulju 2014 10:30
Ann-Kathrin Brommel, għandha biex tagħmilha mal-quċċata ta’ din il-lista!
Wara xahar sħiħ ta’ bumbardament qawwi ta’ informazzjoni fuq il-futbol u t-Tazza tad-Dinja, il-finali ta’ nhar il-Ħadd ġabet fit-tmiem din il-festa ta’ futbol. Xahar sħiħ fejn fil-mezzi tax-xandir kont tisma’ biss bil-Brażil u t-Tazza tad-Dinja. Xahar sħiħ li tmur fejn tmur kont tilmaħ bnadar tal-pajjiżi parteċipanti u l-mezzi soċjali miżgħuda b’ritratti tal-plejers minn madwar id-dinja. Iżda x’hemm iktar apparti dawn il-plejers?

Ann-Kathrin Brommel tawgura lil Gotze wara r-rebħa tat-tim Ġermaniż
Hemm in-nisa tagħhom! Kif tistgħu taraw mir-ritratti jidher li dawn il-plejers ma jibbrillawx biss fil-grawnd!

ILLUM għamlet ġabra ta’ dawn in-nisa u għażlet l-aqwa għaxra nisa li fl-opinjoni tagħna huma l-isbaħ nisa tal-plejers li ħadu sehem f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.

Antonella Roccuzzo ta’ Messi

Lionel Messi m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. Jilgħab mal-klabb Spanjol ta’ Barcelona u hu l-captain tat-tim nazzjonali tal-Arġentina. Antonella u Lionel ilhom flimkien mill-2008 u fit-12 ta’ Novembru 2012 kellhom tifel li semmewh Thiago.

Melissa Satta ta’ Boateng 

Għandha 28 sena. Hija t-tfajla tal-plejer ta’ FC Schalke, Kevin Prince Boateng. Hija Taljana-Amerikana, preżentattriċi fuq it-televixin u esperta fil-komunikazzjoni. Kienet ukoll waħda minn dawk il-famużi tfajliet ta’ Striscia La Notizia.

Satta kisbet ċertu fama meta tkellmet fuq il-maħbub tagħha meta kien imweġġa’ f’kuxxtejh. Ħafna qalu li probabbli Boateng kien weġġa’ matul derby li Milan kellhom ma’ Inter iżda t-tfajla tiegħu kienet tkellmet mal-istampa u qalet li l-kawża ta’ dan kien l-ammont ta’ sess li jagħmlu huma t-tnejn, minn seba’ sa għaxar darbiet fil-ġimgħa.

Irina Shayk ta’ Ronaldo

Hija mudella Russa ta’ 28 sena. Ilha mill-2010 ma’ Cristiano Ronaldo, attakkant ma’ Real Madrid u captain tat-tim nazzjonali tal-Portugall. Apparti li hi mudella għamlet id-debutt tagħha fid-dinja taċ-ċinema din is-sena billi kienet mart Hercules fil-film ‘Hercules’. 

Sara Carbonero ta’ Casillas

Għandha 30 sena u hija preżentattriċi fuq it-televixin fi Spanja, fuq l-istazzjon Telecinco. Hija wkoll ġurnalista sportiva. Ilha mill-2009 ma’ Iker Casillas, il-gowlkiper u l-captain ta’ Real Madrid u tat-tim nazzjonali Spanjol. Jingħad li fit-Tazza tad-Dinja 2010 waqt li Sara kienet qed tirrapporta l-logħba bejn l-Iżvizzera u Spanja b’xi mod fixklet lil Casillas u kkaġunat ir-rebħa mhux mistennija tal-Iżvizzera. Kemm dan hu vera, ħadd ma jaf.

Shakira ta’ Pique

M’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni. Għandha 37 sena u ilha toħroġ id-diski mill-1990. Kisbet fama mad-dinja kollha u għadha popolari sal-lum. Ilha mill-2010 ma’ Gerard Piqué li jilgħab mal-Barċelona u mat-tim nazzjonali Spanjol. Fit-22 ta’ Jannar 2013 il-koppja kellhom tifel u semmewh Milan.

Ann-Kathrin Brömmel ta’ Götze

Hija waħda mir-rivelazzjonijiet riċenti għad-dinja. Götze huwa l-plejer tat-tim nazzjonali tal-Ġermanja li kien is-salvatur li skorja l-gowl li rebbaħ it-Tazza tad-Dinja lill-Ġermanja għar-raba’ darba. Ann-Kathrin għandha 23 sena u hija wkoll mudella tal-ħwejjeġ ta’ taħt. Fil-Ġermanja hija wkoll kantanta u ħarġet żewġ diski, waħda This Is Me u l-oħra Body Language.

Ilaria D’Amico ta’ Buffon

Hija l-ixjeħ waħda f’din il-lista. Għandha 40 sena u hija preżentattriċi u kummentattriċi fuq it-televiżjoni Taljan. Riċentament fil-mezzi tax-xandir ġie żvelat li għandha affari mal-gowlkiper tal-Italja Gianluigi Buffon. 

Laia Grassi ta’ Sanchez

 Alexis Sanchez għadu kif ingħaqad ma’ Arsenal din is-sena u lagħab fit-Tazza tad-Dinja maċ-Ċilì, pajjiżu.

Alex Gerrard ta’ Gerrard, née Curran

Għandha 31 sena. Mudella u tikteb fuq il-moda fil-gazzetta Ingliża Daily Mirror. Kif jixhed kunjomha hija l-mara ta’ Steven Gerrard plejer ta’ Liverpool u captain tat-tim nazzjonali Ingliż. Alex għandha wkoll il-fwieħa tagħha li jisimha bħalha. 

Daniella Seeman ta’ Fabregas.

Flimkien għandhom tifla ta’ 15-il xahar, Lia. Cesc Fabregas għadu kif ingħaqad ma’ Chelsea u lagħab mat-tim nazzjonali ta’ Spanja fit-Tazza tad-Dinja li għadha kif intemmet. Daniella għandha żewġt itfal oħra mir-raġel li kellha qabel Elie Taktouk. 

Jean Pierre Cassar gradwa mill-Università ta' Malta b'Baċellerat fil-Malti. Kompla l-istudju tiegħu fl-interpretar fejn kiseb iċ-ċertifikat biex ikun jista' jaħdem bħala interpretu fl-istituzzjonijiet Ewropej. Preżentament jokkupa l-kariga ta' Aġent Editur mal-ġurnal Illum.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook