Tevez u Llorente – il-magna tal-gowls ta’ Juventus

M’hemmx dubju li l-iktar koppja ta’ attakkanti li qed tispikka bħalissa fil-futbol Taljan u mhux biss hija l-koppja tal-attakk ta’ Juventus Carlos Tevez u Fernando Llorente. Bejniethom dawn skorjaw xejn inqas minn 26 gowl – 15 Tevez u 11 Llorente. 

Tevez u Llorente - il-protagonisti assoluti għal Juventus matul dan l-istaġun
Tevez u Llorente - il-protagonisti assoluti għal Juventus matul dan l-istaġun

Il-gowls l-oħra waslu minn plejers ta’ klassi mondjali bħal Vidal li skorja 11 u Pogba li skorja 6. Barra li rnexxielhom isibu x-xibka għal 26 darba matul dan l-istaġun Tevez u Llorente pprovdew numru konsiderevoli ta’ assists li minnhom plejers bħal Vidal u Pogba rnexxielhom isibu x-xibka. Fil-bidu tal-istaġun dawn iż-żewġ plejers kellhom bidu kemxejn kwiet iżda iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar dawn iż-żewġ plejers stabilixxew lilhom infushom bħala żewġ plejers indispensabbli għall-Bianconeri li qed ikunu fundamentali biex it-tim minn Turin huwa favorit nett li jerġa’ jirbaħ il-kampjonat għat-tielet darba konsekuttiva taħt it-tmexxija ta’ Conte hekk kif għandu 11-il punt vantaġġ fuq it-tim li jinsab fit-tieni post tal-klassifika, Roma.

Bosta segwaċi tal-futbol mondjali fosthom partitarji ferventi ta’ Juventus qegħdin jikkumparaw lil dawn iż-żewġ attakkanti mal-attakkanti leġġendarji ta’ Juventus John Charles u Omar Sivori li rebħu diversi unuri ma’ Juventus fil-passat. Kollox jindika li kemm Tevez kif ukoll Llorente se jkunu fost il-protagonisti ewlenin fit-Tazza tad-Dinja mal-pajjiżi rispettivi tagħhom, l-Arġentina u Spanja.

More in Sports