Hiddink se jieħu t-tmun tal-Olanda mingħand Van Gaal

Fi tmiem it-Tazza tad-Dinja matul is-sajf li ġej Guus Hiddink se jkun qed jieħu t-tmexxija tat-tim nazzjonali Olandiż mingħand Louis Van Gaal. Barra minn hekk l-eks kowċ ta’ Chelsea u Real Madrid qal lill-istazzjon televiżiv Olandiż NOS li jinsab f’taħdidiet mal-Assoċjazzjoni Olandiża rigward l-istaff li Hiddink jixtieq li jgħinu fit-tmexxija tal-Olanda. L-eks plejers internazzjonali Jaap Stam, Ruud van Nisterlooy u Giovanni van Bronckhorst kollha qed jissemmew li se jkollhom irwoli importanti fit-tim tekniku ta’ Hiddink.

It-tmexxija tat-tim nazzjonali Olandiż se tgħaddi mingħand Van Gaal għal għand Hiddink
It-tmexxija tat-tim nazzjonali Olandiż se tgħaddi mingħand Van Gaal għal għand Hiddink

Jeżistu biss mistoqsijiet rigward Jaap Stam hekk kif hemm possibiltajiet kbar li dan l-eks plejer ta’ Lazio, Manchester United u AC Milan isieħeb lil AC Milan fejn ikun qed jgħin lill-kowċ Seedorf bħala assistent kowċ sa mis-sajf li ġej. Din mhux se tkun esperjenza ġdida għal Hiddink fit-tmun tat-tim nazzjonali Olandiż hekk kif dan kien diġà jmexxi lil dan it-tim bejn l-1994 u l-1998, fejn mexxa lit-Tulipani sas-semi-finali tat-Tazza tad-Dinja ta’ Franza fejn kienu tilfu kontra l-Brażil biss wara l-lotterija tal-penalties. 

Huwa kkowċja wkoll lit-timijiet nazzjonali tal-Korea ta’ Isfel, ir-Russja u t-Turkija u l-aħħar klabb li kkowċja kien il-klabb rikk Russu Anzhi Makhachkala, qabel irriżenja f’Lulju li għadda. Matul ix-xahar li għadda l-istess Hiddink ġie appuntat bħala adviser għall-kowċing staff tal-klabb bi storja glorjuża fl-Olanda PSV Eindgoven sa tmiem dan l-istaġun. B’hekk wara din l-esperjenza ma’ dan il-klabb Olandiż, Hiddink ikun jista’ jieħu t-tmun tal-Olanda mingħajr xkiel. L-Olanda se jkunu qed jilagħbu fi Grupp B fit-Tazza tad-Dinja flimkien ma’ Spanja, iċ-Ċili u l-Awstralja, liema grupp qed ikun ikkunsidrat bħala wieħed diffiċli.

More in Sports