AC Milan isofru l-10 telfa tal-istaġun

ill-Kampjonat Taljan Serie A TIM, AC Milan, sofrew l-10 telfa minn 27 logħba hekk kif barra minn darhom fi Stadio Friuli tilfu bl-iskor minimu ta’ 1-0 kontra Udinese bil-gowl għall-Friulani jasal mis-solitu Di Natale fis-67 minuta. 

Balotelli - simbolu tal-istaġun diżastruż li qed jaffrontaw AC Milan
Balotelli - simbolu tal-istaġun diżastruż li qed jaffrontaw AC Milan

Intant fil-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra Chelsea ikkonsolidaw posthom fil-quċċata tal-klassifika hekk kif kollox qed jindika li huma jistgħu jkunu r-rebbieħa ta’ dan il-kampjonat fi tmiem dan l-istaġun meta ġewwa darhom fi Stamford Bridge għelbu lit-tim l-ieħor minn Londra, Tottenham Hotspur bl-iskor kbir ta’ 4-0 bil-gowls għalihom jaslu minn Eto’o, minn penalty tal-attakkant prolifiku Belġjan Eden Hazard, u minn doppjetta ta’ Demba Ba f’temp ta’ żewġ minuti tard fil-logħba eżattament fit-88 u fid-90 minuta. Intant l-iSpurs qalgħu daqqa ta’ ħarta fid-59 minuta hekk kif spiċċaw jilagħbu b’10 plejers meta tkeċċa għalihom il-plejer Younes Kaboul. 

Manchester United barra minn darhom kisbu rebħa importanti ta’ 3-0 kontra West Bromwich Albion liema rebħa żgur li serviet biex tgħolli l-moral għalihom fi staġun li jista’ jitqies bħala wieħed ferm diżappuntanti għalihom taħt it-tmexxija ta’ David Moyes. Il-gowls għar-Red Devils waslu minn Phil Jones, Wayne Rooney u Danny Wellbeck. Southampton barra minn darhom għelbu lil Crystal Palace bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-gowl waħdieni tagħhom jasal minn Jay Rodriguez fis-37 minuta. Cardiff City ġewwa darhom għelbu lil Fulham bl-iskor ta’ 3-1 bil-gowls għalihom jaslu minn doppjetta ta’ Steven Caulker u awto-gowl ta’ Sascha Riether. Min-naħa l-oħra l-uniku gowl għal Fulham wasal minn Lewis Holtby fid-59 minuta. Il-konfront bejn Norwich City u Stoke City intemm f’parità ta’ 1-1 bil-gowl għal Norwich City jasal minn Bradley Johnson fis-56 minuta waqt li Jonathan Walters ġab l-iskor indaqs għal Stoke City fit-73 minuta, bl-istess plejer ironikament jisfa mkeċċi ħames minuti biss wara. 

Intant, ilbieraħ, kellna logħba waħda valida mill-FA Cup fejn Arsenal ġewwa darhom fl-Emirates Stadium għelbu lil Everton bl-iskor kbir ta’ 4-1 bil-gowls għalihom jaslu minn Mesut Ozil, Arteta minn penalty u doppjetta ta’ Giroud. L-attakkant Belġjan Romelu Lukaku kien ġab l-iskor indaqs parzjalment għal Everton fit-32 minuta. 

More in Sports