Intervista Lokali Barranin

is-seba' parti - L-Istorja tat-Tazza tad-Dinja


 

Cristian Muscat / 29 ta' Ġunju 2014 12:24
Pelè merfugħ fuq l-ispallejn wara li kien determinanti u fundamentali biex il-Brażil jirbħu l-edizzjoni tal-1970 fil-Messiku
Id-Disa’ Edizzjoni – Messiku 1970


Din l-edizzjoni li saret fil-Messiku, baqgħet magħrufa l-aktar minħabba l-introduzzjoni tas-sostituzzjonijiet. Issa tim seta’ jibdel żewġ plejers mill-ħdax li jkunu bdew il-logħba. Din il-bidla ta’ plejers kellha tinvolvi plejers li jkunu meqjusa riservi. Għalhekk, anness ma’ dan ir-regolament, il-FIFA introduċiet il-‘bank tas-sostituti’.
Bħalma kienu għamlu l-Ingliżi f’darhom erba’ snin qabel, il-Messikani, imtellgħin fi Grupp A tal-fażi finali, għaddew mill-grupp mingħajr ma sofrew gowl. Madankollu l-logħba inawgurali tal-mundial bejn il-Messiku u l-Unjoni Sovjetika ma kienet xejn speċjali u intemmet f’parità. Erbat ijiem wara, il-Belġju għeleb lid-debuttanti El Salvador iżda tilfu l-logħba kontra l-Unjoni Sovjetika 4-1. Min-naħa tagħhom, il-Messikani għelbu lil El Salvador 4-0 – l-istess kif għamlu l-Unjoni Sovjetika biex għaddew mill-grupp mal-Messikani.
Grupp B kien deċiżament inqas spettakolari. L-Italja u l-Urugwaj għelbu l-isfida tal-Iżvizzera u t’Iżrael li kienu qed jikkompetu għall-ewwel darba. Il-logħba ta’ bejniethom spiċċat f’parità ta’ mingħajr gowls biex għaddew mill-grupp it-tnejn.
Grupp Ċ kien iddominat mill-Brażil, li ppreżenta tim formidabbli għal din l-edizzjoni. Il-kowċ Mário Zagallo (eks plejer fit-tim rebbieħ tal-1958 u l-1962) kellu ismijiet bħal Gérson, Jairzinho, Tostão, Rivelino u lil Pelé fl-aqwa tiegħu. Il-Brażil rebaħ il-logħob kollu u l-grupp, avolja kellu l-isfida taċ-champions renjanti, l-Ingilterra. Dawn min-naħa tagħhom kellhom tim qawwi wkoll. Quddiem il-gowlkiper Gordon Banks, kien hemm ismijiet bħall-aħwa Jackie u Bobby Charlton, Bobby Moore, Geoff Hurst, u Martin Peters, li kollha kemm huma kienu preżenti fl-edizzjoni ta’ qabel. Il-Brażil u l-Ingilterra rebħu lir-Rumanija u ċ-Ċekoslovakkja bil-Brażil tegħleb lill-Ingliżi b’gowl ta’ Jairzinho.
Minbarra l-Ġermanja tal-Punent, kulħadd kien stenna taqtigħa fi Grupp D. Kif kien mistenni, il-Ġermaniżi rebħu l-grupp b’ċerta faċilità. Il-Ġermaniżi lagħbu futbol offensiv u aggressiv ħafna li ma kien jagħti l-ebda ċans lill-avversarji. Introduċew plejers ġodda bħall-gowlkiper Sepp Maier, Berti Vogts, Wolfgang Overath, u fuq kollox, lill-attakkant qsajjar iżda magħqud ta’ Bayern München, Gerhard Müller, magħruf aħjar bħala Gerd. Ma’ dawn kien għad hemm il-‘Kaiser’ Franz Beckenbauer. Grupp D intrebaħ mill-Ġermaniżi iżda b’sorpriża l-Perù, immexxi mill-captain Ramón Teofilio Cubillas, kien it-tieni tim li għadda mill-grupp.
Il-Kwarti tal-Finali ġabu xalata ta’ gowls u logħob spettakolari. Il-logħob intlagħab fi grawnds differenti però kollha fl-istess jum. L-Urugwaj irnexxielu jegħleb l-isfida tal-Unjoni Sovjetika wara logħba bilanċjata immens, filwaqt li f’Toluca, it-Taljani għelbu lill-Messikani 4-1 b’gowls ta’ Domenghini, tnejn ta’ Luigi Riva u Gianni Rivera.

Azzjoni mill-konfront bejn l-Arġentina u l-Bolivja

F’logħba sabiħa oħra, f’Guadalajara, il-Brażil għelbu lill-Perù 4-2 iżda batew aktar milli mistenni. Il-Brażiljani Rivelino u Tostão skorjaw gowl kull wieħed fl-ewwel ħmistax-il minuta. Il-Peruvjani daħlu fil-logħba bl-għajnuna tal-gowlkiper Brażiljan Félix, li kkalkula ħażin ballun imdendel ta’ Gallardo. Però dan ftit deher li nkwieta lill-Brażil, li ftit wara l-ftuħ tat-tieni taqsima, żiedu gowl ieħor. Pelé xxuttja mid-distanza, bil-ballun jibdel id-direzzjoni meta ħabat ma’ sieħbu Tostão, u dan inganna lil Rubiños. Reazzjoni tal-Perù wasslet għall-gowl ta’ Cubillas. Iżda seba’ minuti wara, Jairzinho reġa’ ta vantaġġ komdu lill-Brażiljani, u għalaq il-logħba.
L-aħħar logħba tal-Kwarti tal-Finali kienet bla dubju ta’ xejn l-isbaħ waħda. Il-Ġermaniżi ta’ Beckenbauer u Müller iltaqgħu kontra l-Ingliżi ta’ Geoff Hurst u l-aħwa Charlton, bi ħsieb wieħed, li jpattu għat-telfa fil-finali tal-edizzjoni ta’ qabel. L-ewwel taqsima għalqet bl-Ingliżi jgawdu gowl vantaġġ. Dan ġie wara 31 minuta minn Mullery li saħansitra beda u spiċċa l-azzjoni hu stess. Fit-tieni taqsima, Newton xeħet kross preċiż li daħal għalih Martin Peters li għeleb lil Maier għat-tieni darba. Il-ferħ kbir tal-Ingliżi kien ġustifikat. Il-Ġermaniżi kienu ħarġu sabiex ipattu għat-telfa ‘inġusta’ ta’ erba’ snin qabel, u minflok kienu żewġ gowls minn taħt. Iżda min jaf il-karattru Ġermaniż, l-istil ta’ logħob tagħhom, u fuq kollox, kif uriet diversi drabi l-istorja tal-futbol mondjali, id-determinazzjoni kbira tagħhom, seta’ jobsor li l-logħba għall-Ġermaniżi kien fadlilha ħafna biex tispiċċa! Fil-fatt, il-Ġermaniżi nbidlu wara l-gowl ta’ Peters u dawru r-riżultat fl-aħħar 20 minuta! L-ewwel gowl ġie minn saqajn Franz Beckenbauer. Tmien minuti mit-tmiem il-Ġermaniżi reġgħu skorjaw minn daqqa ta’ ras ta’ Uwe Seeler, biex jisfurzaw il-ħin barrani, biex fit-tieni taqsima tiegħu, il-Ġermaniżi skorjaw il-gowl li tahom ir-rebħa. Kien Gerd Müller li spara xutt qawwi li għeleb lil Bonetti.
L-ewwel semifinali laqqgħet liż-żewġ rivali, il-Brażil u l-Urugwaj, fi Guadalajara. L-Urugwaj mar gowl minn fuq wara 19-il minuta, bis-saħħa ta’ Cubilla. Iżda fl-aħħar minuta wasal il-gowl ta’ parità ta’ Clodoaldo, minn pass ta’ Tostão. It-tieni taqsima ġabet magħha ħafna logħob goff. Iżda fis-76 minuta Jairzinho għal darb’oħra għadda lil Mújica fuq il-linja tiegħu biex daħal fil-kaxxa l-kbira u għeleb lil Mazurkiewiecz. Issa l-plejers tal-Urugwaj għamlu reazzjoni iżda fl-aħjar ħin tal-Urugwaj waslu gowl ta’ Rivelino li għalaq il-logħba.
Fl-istess waqt fil-Belt tal-Messiku kienet qed tintlagħab is-semifinali l-oħra li baqgħet imfakkra bħala waħda mill-isbaħ logħbiet fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja. Quddiem folla ta’ 80,000 ruħ, fl-Estadio Azteca, il-Ġermaniżi kienu qegħdin joħduha kontra t-Taljani, tlett ijiem biss wara l-logħba kruċjali kontra l-Ingilterra. Għalkemm anke t-Taljani kienu lagħbu fl-istess jum, għall-Ġermaniżi l-logħba tal-Kwarti tal-Finali kienet battikata akbar, sew minħabba l-livell tal-avversarji kif ukoll minħabba t-tul tal-logħba li kienet għaddiet għall-ħin barrani. Il-kundizzjoni atletika aħjar tat-Taljani kienet evidenti sa mill-bidu nett. Fil-fatt, kmieni fis-seba’ minuta, huma marru gowl minn fuq. Kien Roberto Boninsegna li poġġa lill-Azzurri minn fuq wara li għeleb lil Sepp Maier bix-xellug. Dan il-vantaġġ it-Taljani żammewh tul l-ewwel taqsima kollha. Fit-tieni minuta miżjuda mir-referì Messikan minn kross mix-xellug ta’ Grabowski, Karl-Heinz Schnellinger mattar siequ biex tefa’ l-ballun fix-xibka.
Il-Ġermaniżi komplew għaddejjin bit-Taljani jirrikorru għall-fawls, xi wħud minnhom mill-aktar goffi. F’wieħed minn dawn, weġġa’ Franz Beckenbauer li ġie brutalment attakkat minn wara. Beckenbauer baqa’ fl-art. Mad-daqqa kien żloga spalltu iżda ma riedx iħalli l-grawnd u baqa’ jilgħab b’idu sa spalltu nfaxxata ma’ sidru. Iżda d-determinazzjoni tal-Ġermaniżi wasslithom biex saħansitra marru gowl minn fuq ħames minuti wara, permezz ta’ Gerd Müller. Issa l-logħba sbieħet f’daqqa. Ir-reazzjoni tat-Taljani kienet immedjata u Burgnich reġa’ qiegħed kollox indaqs fit-98 minuta – tliet minuti wara, wara li skorja minn freekick fuq ix-xellug ta’ Gianni Rivera. Jekk dan il-gowl daqshekk immedjat kessaħ lill-Ġermaniżi, dak ta’ Riva ħames minuti wara, b’xutt minn barra l-kaxxa, iffriżahom.

Il-poster uffiċjali tat-Tazza tad-Dinja tal-1970 li saret fil-Messiku

It-tieni taqsima tal-ħin barrani kienet saħansitra isbaħ. Il-Ġermaniżi kien għad fadlilhom ħmistax-il minuta sabiex jagħmlu ‘miraklu’ ieħor – u dan għamlu Gerd Müller. Kien minn korner ta’ Uwe Seeler li Gerd Müller, fuq wara tad-difiża Taljana, b’titjira fil-baxx xeħet fix-xibka biex skorja l-għaxar gowl tiegħu u għamel l-iskor 3-3. Iżda tliet minuti qabel it-tisfira finali Rivera ddeċieda l-logħba b’xutt li għeleb lil Maier u lid-difiża Ġermaniża, biex ra lit-Taljani jgħaddu għall-finali oħra wara 32 sena.
Il-logħba għat-tielet u r-raba’ post ta’ din l-edizzjoni, bejn il-Ġermanja tal-Punent u l-Urugwaj, attirat folla ta’ madwar 104,000 ruħ u ġiet mirbuħa mill-Ġermaniżi b’gowl ta’ Overath f’nofs l-ewwel taqsima.
Il-21 ta’ Ġunju 1970 kien jum il-finali tal-aqwa edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja sa dik is-sena. Il-Brażil, favorit mill-bidu nett tal-kompetizzjoni, kien rebaħ b’mod pjuttost faċli kull logħba li kellu, u skorja xejn inqas minn 13-il gowl f’ħames logħbiet. Min-naħa tagħhom it-Taljani ma kinux inqas minnhom.
Wara tmintax-il minuta l-Brażil skorjaw l-ewwel gowl tagħhom. Rivelino xeħet kross pjuttost għoli minn fuq ix-xellug, li Pelé, b’abbiltà kbira, għola iktar mid-difensuri Taljani, biex bis-saħħa tefa’ fix-xibka. Iżda ftit qabel il-mistrieħ Boninsegna ġera lejn id-difiża Brażiljana, maqbuda fuq sieq waħda. Félix, il-gowlkiper, ħareġ biex jagħlaq il-lasta, iżda Boninsegna qabżu u xeħet fix-xibka. Il-Brażiljani kellhom jistennew sal-65 minuta meta Gérson li reġa’ poġġa lill-Brażil gowl minn fuq b’xutt baxx bix-xellug minn barra l-kaxxa l-kbira. Jairzinho, għeleb lil Albertosi bir-ras għat-tielet darba u fl-aħħar nett il-captain Carlos Alberto skorja r-raba’ gowl.
Il-ferħ u ċ-ċelebrazzjonijiet li segwew wara t-tisfira tar-referì mill-Ġermanja tal-Lvant, Rudolf Glöckner, kienu inkredibbli. Folol kbar li jappoġġjaw lill-Brażil niżlu jiċċelebraw fil-grawnd u daru mal-plejers benjamini tagħhom.

Din l-informazzjoni ttieħdet mill-ktieb bil-Malti – L-Istorja tat-Tazza tad-Dinja, miktub minn Ramon Zammit li bħalissa jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook