Intervista Lokali Barranin

James Rodriguez l-eroj assolut fir-rebħa Kolumbjana

Kolumbja....................2
Urugwaj......................0

Cristian Muscat / 29 ta' Ġunju 2014 11:01
James Rodriguez
James Rodriguez kien l-eroj indiskuss għall-Kolumbja. Dawn kienu superjuri għal kollox fuq l-Urugwaj u għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0 b’doppjetta ta’ dan l-attakkant prolifiku Kolumbjan li b’hekk sa issa skorja ħames gowls f’erba’ logħbiet f’din it-Tazza tad-Dinja biex jinsab fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers tal-istess kompetizzjoni.
L-Urugwaj li wara din it-telfa sfaw eliminati mit-Tazza tad-Dinja kellhom nieqes lil Luis Suarez minħabba li ngħata sospensjoni mill-FIFA ta’ 9 logħbiet mat-tim nazzjonali Urugwajan u erba’ xhur mill-futbol inġenerali wara li fil-logħba kontra l-Italja gidem lid-difensur Taljan Giorgio Chiellini. B’hekk wara din ir-rebħa l-Kolumbja għaddew għall-kwarti tal-finali li tajjeb ngħidu li se tkun l-ewwel darba fl-istorja ta’ dan in-nazzjon fl-Amerika ta’ Isfel li rnexxielu jagħmilha sa din il-fażi fit-Tazza tad-Dinja.
Il-Kolumbja fetħu l-iskor fit-28 minuta permezz ta’ James Rodriguez li wara li rċieva l-ballun fuq sidru, spara fix-xibka minn barra l-kaxxa fejn ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Urugwajan Muslera li jsalva, biex rajna gowl mill-isbaħ. L-istess plejer irdoppja l-iskor għat-tim tiegħu fil-50 minuta meta wara li, Pablo Arnero għadda kross perfett lejn Juan Cuadrado dan bir-ras għadda lura lejn James Rodriguez li mill-viċin tefa’ ġewwa. L-Urugwaj ħolqu xi ċansijiet ta’ skor lejn l-aħħar tal-logħba permezz tas-solitu Edinson Cavani, madankollu ma rnexxielhomx isibu x-xibka biex il-logħba ntemmet bl-iskor ta’ 2-0 favur
il-Kolumbja.

Kolumbja - Ospina, Zapata, Yepes, Sanchez, Armero, Aguilar, Teo (Mejia 68’), James Rodriguez, Cuadrado (Guarin 81’), Zuniga, Jackson
Urugwaj - Muslera, Godin, A. Pereira (Ramirez 53’), Rodriguez, Forlan (Stuani 53’), Gimenez, M. Pereira, Arevalo Rios, Gonzalez (Hernandez 67’), Cavani, Caceres
Referi - Bjorn Kuipers (OLA)


Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook