Intervista Lokali Barranin

Il-Brażil fil-kwarti tal-finali wara l-għoti tal-penalties

Brażil   3
Ċili       2
(wara l-għoti tal-penalties)

Cristian Muscat / 29 ta' Ġunju 2014 10:50
Brażil jiċċelebraw posthom fil-kwarti tal-finali
Il-Brażil għamluha għall-kwarti-finali tat-Tazza tad-Dinja wara li b’sofferenza kbira għelbu liċ-Ċili bl-iskor ta’ 3-2 wara l-għoti tal-penalties. M’hemmx dubju li għalkemm sfaw eliminati, iċ-Ċili, ħarġu b’rashom mgħollija minn din l-iktar kompetizzjoni importanti u prestiġjuża fil-futbol mondjali.
Kienu l-Brażil li fetħu l-iskor fit-18-il minuta meta Neymar mix-xellug għadda tajjeb lejn Thiago Silva li xellef il-ballun lejn David Luiz li mill-viċin bir-ras tefa’ ġewwa biex b’hekk skorja l-ewwel gowl fil-karriera tiegħu bil-flokk tat-tim nazzjonali Brażiljan u tefa’ lill-eluf ta’ partitarji Brażiljani f’delirju ta’ ferħ. Iżda l-istorbju ta’ dawn il-partitarji Brażiljani ma tantx dam jidwi hekk kif fit-32 minuta Alexis Sanchez sikket il-grawnd hekk kif ġab l-iskor indaqs wara taħwida fid-difiża Brażiljana, il-plejer ta’ Barcelona daħal fil-kaxxa qabel għeleb lill-goalkeeper Julio Cesar pernezz ta’ xutt tajjeb.
Il-Brażil resqu viċin li jmorru fil-vantaġġ lejn l-aħħar minuti tal-logħba permezz ta’ xutt b’saħħtu ta’ Hulk iżda l-goalkeeper taċ-Ċili, Bravo wettaq save mill-isbaħ li impedixxa lill-Brażil milli jirbħu l-logħba. B’hekk il-logħba kellha tmur għall-ħin barrani. Fil-104 minuta reġa’ kien Hulk li permezz ta’ xutt mid-distanza impenja lil Bravo, il-goalkeeper Ċilejan reġa’ kien tajjeb u ċaħħad lill-attakkant prolifiku Brażiljan milli jsib ix-xibka billi minn mal-art laqa’ tajjeb għalkemm ma żammx il-ballun.
Eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima tal-ħin barrani tentattiv minn freekick tal-awtur tal-gowl taċ-Ċili, Alexis Sanchez għadda barra mil-lasti difiżi minn Julio Cesar. Fil-120 minuta Pinilla kien ferm sfortunat li ma sabx ix-xibka meta tentattiv tiegħu wara li qabeż difensur Brażiljan stampa mal-mimduda. B’hekk il-logħba kellha tmur għal-lotterija tal-penalties fejn għall-Brażil irnexxielhom isibu x-xibka David Luiz, Marcelo u Neymar waqt li għaċ-Ċili skorjaw Aranguiz u Diaz.  

Brażil - Julio Cesar, Dani Alves, Thiago Silva, David Luiz, Fernandinho (Ramires 72’), Marcelo, Hulk, Fred (Jo 64’), Neymar, Oscar, Luiz Gustavo
Ċili - Bravo, Mena, Isla, Silva, Alexis Sanchez, Vidal (Pinilla 87’), Vargas (Gutierrez 57’), Medel, Jara, Aranguiz, Diaz


Referi - Howard Webb (ING)

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook