Intervista Lokali Barranin

Nofs żelqa għall-Ġermanja

Ġermanja    2
Ghana    2

Cristian Muscat / 22 ta' Ġunju 2014 17:41
Il-Ġermanja ġiet miżmuma f’parità ta’ 2-2 mill-Ghana f’riżultat li jista’ jitqies bħala wieħed iktar favorevoli għall-Ghana, hekk kif ilkoll nafu li l-Ġermanja tippossjedi skwadra ferm b’saħħitha, mimlija bi plejers ta’ klassi u fama mondjali u li hija meqjusa bħala waħda mill-favoriti li tirbaħ it-Tazza tad-Dinja nhar it-13 ta’ Lulju.

Fit-33 minuta l-Ghana resqu viċin li jiftħu l-iskor permezz tal-plejer li jilgħab  ma’ AC Milan fl-Italja, Sulley Muntari, li ra x-xutt tiegħu mid-distanza jiġi milqugħ tajjeb minn Manuel Neuer li iżda ma żammx. Il-Ġermanja fetħu l-iskor fil-51 minuta permezz ta’ Gotze li ra t-tentattiv tiegħu minn daqqa ta’ ras jaħbat ma’ rkobbtu qabel ma ħabat mal-plejer tal-Ghana, Dauda, biex intemm fix-xibka. Il-Ghana wettqu reazzjoni immedjata u ma damux ma ġabu l-iskor indaqs meta tliet minuti biss wara Harrison Affula għadda tajjeb lejn Ayew li għola tajjeb u eżattament minn ħdejn il-penalty spot tefa’ ġewwa biex b’hekk irnexxielu jsib ix-xibka fil-50 dehra tiegħu bil-flokk nazzjonali tal-Ghana.
U propju disa’ minuti wara l-Ghana rnexxielhom jaqilbu l-iskor favurihom meta Gyan avvanza tajjeb fil-kaxxa u permezz ta’ xutt mill-isbaħ tefa’ fix-xibka biex tefa’ lill-partitarji tal-Ghana f’delirju ta’ ferħ. Iżda huma ma tantx damu jgawdu dan il-vantaġġ hekk kif il-Ġermaniżi ġabu l-iskor indaqs fil-71 minuta permezz ta’ Miroslav Klose li kien ilu fl-azzjoni għal biss ftit minuti u mill-viċin tefa’ ġewwa wara li rċieva minn korner mogħti tajjeb. Permezz ta’ dan il-gowl Klose laħaq lill-eks attakkant Brażiljan Ronaldo fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers f’edizzjonijiet diversi tat-Tazza tad-Dinja bi 15-il gowl.  

Ġermanja - Neuer, Howedes, Hummels, Khedira (Schweinsteiger 70’), Ozil, Muller, Lahm, Martesacker, Kroos, Gotze (Klose 69’), J. Boateng (Mustafi 46’)
Ghana - Dauda, Gyan, Atsu (Wakaso 72’), K. P. Boateng (J. Ayeu 52’), A. Ayew, Muntari, Rabiu (Badu 78’), Jonathan, Asamaoah, Boye, Harrison


Referee - Sandro Ricci (BRA)

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook