Intervista Lokali Barranin

Messi l-eroj assolut fir-rebħa minima tal-Arġentina

Arġentina    1
Iran    0

Cristian Muscat / 22 ta' Ġunju 2014 17:39
Il-fenomenu Arġentin Lionel Messi kien l-eroj assolut għall-Arġentina meta skorja l-gowl uniku fir-rebħa minima ta’ 1-0 li l-Arġentinjani kisbu fuq l-Iran, bil-gowl jasal fid-92 minuta. L-Iran dehru li kienu se jissorprendu bil-kbir meta sa ftit minuti mit-tmiem kienu qed iżommu f’parità ta’ mingħajr gowls lit-tim nazzjonali ferm u ferm superjuri tal-Arġentina li fil-formazzjoni tagħhom jinkludu plejers ta’ fama u klassi mondjali bħal m’huma Messi, Higuain, Di Maria, Zabaleta, Lavezzi, Rodrigo Palacio u Sergio Aguero. Permezz ta’ din ir-rebħa l-Arġentina għaddew għal mal-aħħar 16 tat-Tazza tad-Dinja.  

Dawn iż-żewġ nazzjonijiet kienu ltaqgħu darb’oħra lura fl-1977 f’logħba ta’ ħbiberija li kienet intlagħbet fis-Santiago Bernabeu f’Madrid fi Spanja. Dakinhar il-logħba kienet intemmet ukoll f’parità – din id-darba ta’ 1-1. Għalkemm l-Arġentina ħolqu bosta okkażjonijiet ta’ skor kienu l-Iran l-iktar li resqu viċin fis-67 minuta meta l-goalkeeper Arġentin Romero wettaq save kbir billi dawwar f’korner, tentattiv minn daqqa ta’ ras ta’ Dejagah wara li kien irċieva minn kross tajjeb. Fit-73 minuta tentattiv minn freekick ta’ Messi ħabat ma’ barra tax-xibka.
L-Arġentini komplew jattakkaw fit-tenattiv ovvju tagħhom li jiftħu l-iskor u żewġ minuti biss wara xutt fil-baxx ta’ Di Maria ġie milqugħ minn mal-art minn Haghighi mingħajr wisq diffikultà. Fis-86 minuta l-Iran tilfu ċans tad-deheb li jmorru fil-vantaġġ meta Reza avvanza tajjeb qabel ra lill-goalkeeper u protagonista Arġentin, Romero, jimpedixxilu milli jsib ix-xibka billi salva tajjeb wara li ntefa’ minn tulu. Fit-92 minuta wasal il-gowl tant mistenni mill-Arġentina permezz tas-solitu Lionel Messi li vvinta gowl mill-isbaħ billi qabeż plejer avversarju qabel permezz ta’ xutt mid-distanza spara fir-rokna tax-xibka.

Arġentina - Romero, Garay, Zabaleta, Gago, Di Maria, Higuain (Palacio 76’), Messi, Mascherano, Rojo, Fernandez, Aguero (Lavezzi 76’)
Iran - A. Haghighi, Haji Safi (R. Haghighi 88’), Hosseini, Amirhossein, Nekounam, Masoud (Heydari 76’), Andranik, Montazeri, Reza, Dejagah (Alireza 85’), Mehrdad


Referee - Milorad Mazic (SRB)

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook