Chelsea jridu lil Costa akkost ta’ kollox

Diego Costa viċin li jingħaqad ma’ Chelsea
Diego Costa viċin li jingħaqad ma’ Chelsea

F’dawn il-jiem għaddejjin taħdidiet mill-iktar intensivi bejn Chelsea u Atletico Madrid rigward l-attakkant prolifiku Brażiljan li iżda għażel li jilgħab ma’ Spanja matul it-Tazza tad-Dinja li ġejja, Diego Costa. Jidher li l-Ispecial One Josè Mourinho, irid b’saħħa lil dan il-plejer. F’din it-trattativa jista’ jidħol il-goalkeeper Belġjan ta’ Atletico Madirid, Courtois, li huwa plejer ta’ Chelsea u qiegħed b’self mal-klabb mill-kapitali Spanjola. Dan il-goalkeeper qed ikollu wirjiet mill-aqwa mal-Madrileni u mistenni jkun fost l-aqwa goalkeepers fit-Tazza tad-Dinja fil-Brażil. 

Atletico huma lesti li jħallsu s-somma ta’ 16-il  miljun sterlina għal Courtois u fiha jinkludu wkoll lill-attakkant internazzjonali Spanjol ta’ taħt il-21 sena, Koke, li huwa wkoll fil-mira ta’ Manchester United fi trattativa ta’ bdil. Mourinho jixtieq li jsaħħaħ l-attakk ta’ Chelsea u qed jinsisti li Diego Costa, speċjalment meta wieħed iqis il-forma li huwa għaddej minnha bħalissa jista’ jsaħħaħ bis-sħiħ dan id-dipartiment. Il-plejer Brażiljan qed jattira wkoll l-interess tar-rivali ta’ Chelsea, Arsenal. Costa huwa vvalutat għas-somma ta’ 32 miljun sterlina fil-kuntratt tiegħu iżda jidher li Atletico jistgħu jħalluh jitlaq biss għas-somma ta’ €60 miljun. 

Intant, Chelsea, ripetutament ċaħdu li setgħu ibigħu lil Courtois u jixtiquh li jiffirma estensjoni fil-kuntratt li jwasslu biex jiddefendi l-lasti tagħhom sal-2019. Iżda jidher li l-goalkeeper Belġjan ma jixtieqx jirritorna jilgħab fi Stamford Bridge matul l-istaġun li ġej biex ikun il-goalkeeper ta’ riserva tal-goalkeeper prolifiku mir-Repubblika Ċeka, Petr Cech, u għalhekk jista’ jkun li dan il-goalkeeepr jingħaqad b’mod permanenti ma’ Atletico Madrid li dan l-istaġun qed ikollhom staġun  mill-aqwa kemm fil-Primera Liga Spanjola, fejn qegħdin fl-ewwel post u jidhru favoriti għar-rebħ ta’ dan il-kampjonat, waqt li qed jiksbu riżultati ferm sodisfaċenti fl-Ewropa fil-UEFA Champions League fejn jinsabu fis-semi-finali propju kontra Chelsea. 

Il-goalkeeper Belġjan ta’ 21 sena ffirma kuntratt ta’ ħames snin ma’ Chelsea fl-2011 iżda ilu b’self ma’ Atletico Madrid għal tliet staġuni sħaħ u għadu qatt ma lagħab mal-Blues. Huwa attira wkoll l-interess tal-ġganti Spanjoli Real Madrid u Barcelona. 

Intant jidher ukoll li Chelsea huma ferm interessati fl-attakkant Urugwajan ta’ PSG, Edinson Cavani li kif mistenni kellu staġun mill-aqwa mat-tim Franċiż li nhar il-Ħadd li għadda ġie nkurunat champion tal-Kampjonat Franċiż, Ligue 1. 

More in Sports