Messi se jibqa’ ma’ Barcelona iżda Fabregas jista’ jħalli lill-Katalani

Il-jiem ta’ Messi u Fabregas flimkien ma’ Barcelona jidhru magħduda
Il-jiem ta’ Messi u Fabregas flimkien ma’ Barcelona jidhru magħduda

Wara l-aħħar wirjiet u riżultati diżappuntanti ta’ Barcelona, kien hemm spekulazzjonijiet fil-mezzi tax-xandir li l-fenomenu Arġentin kien se jħalli lill-klabb fejn fost oħrajn issemma’ li seta’ jingħaqad maċ-champions Franċiżi PSG. Dan ukoll wara l-aħħar wirjiet mhux daqshekk li mdorrijin naraw is-soltu minn dan il-plejer meqjus fost l-aqwa ta’ kull żmien fil-futbol mondjali.

 Iżda matul l-aħħar jiem tħabbar li Messi se jibqa’ ma’ Barcelona fejn ġie mifhum li huwa se jsir l-iktar plejer imħallas fid-dinja, fejn saħansitra se jkun qed jaqbeż is-salarju esorbitanti li għandu l-attakkant prolifiku Portugiż u rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb f’Diċembru li għadda, Cristiano Ronaldo. 

Madankollu jidher li l-istess xorti mhux se tkun qed tmiss lill-plejer internazzjonali Spanjol Cesc Fabregas hekk kif huwa mistenni li dan iħalli lill-Katalani fi tmiem l-istaġun. Il-plejer ta’ 26 sena kien diġà ġibed interess konsiderevoli minn Manchester United matul is-sajf li għadda, iżda Barca immedjatament ċaħdu l-offerti taċ-champions Ingliżi hekk kif kif il-kowċ ta’ Barcelona, Gerardo Martino kien għamilha ċara li Fabregas kien jinsab fil-pjanijiet tiegħu. Madankollu Fabregas xejn ma impressjona matul dan l-istaġun u kien wieħed mill-kawżiet tad-diżappunt ta’ Barcelona matul dan l-istaġun. 

B’hekk bdiet spekulazzjoni li l-klabb Spanjol jista’ jkun li jibda jikkunsidra offerti għal Fabregas fi tmiem l-istaġun, waqt li 50 fil-mija tal-partitarji tal-Blaugrana kif inhuma iktar magħrufa Barcelona li kienu qed jirrispondu għal sondaġġ fuq il-ġurnal ferm popolari Spanjol, Marca, saħqu li l-eks plejer ta’ Arsenal għandu jinbiegħ fi tmiem l-istaġun. 

Madankollu, daħal fix-xena l-plejer kompatrijott Spanjol u ħabib ta’ Fabregas, Pedro, fejn talab lill-partitarji biex jappoġġjaw bis-sħiħ u jagħtu sostenn lil Fabregas f’dan iż-żmien mhux daqstant feliċi għalih waqt li talabhom ukoll biex jagħmlu l-istess fil-konfront tal-goalkeeper ta’ riserva Jose Pinto li fl-aħħar logħbiet li kien inkluż fihom fin-nuqqas tal-goalkeeper titolari Victor Valdes fosthom fl-eliminazzjoni mill-UEFA Champions League kontra r-rivali Atletico Madrid, xejn ftit li xejn impressjona għal Barecelona.

More in Sports