Kriżi finanzjarja fil-Formula 1 – sewwieqa jheddu li jistrajkjaw

Raikkonen wieħed mis-sewwieqa tal-Formula 1 milquta mill-kriżi finanzjarja li qed taħkem lil dan l-isport
Raikkonen wieħed mis-sewwieqa tal-Formula 1 milquta mill-kriżi finanzjarja li qed taħkem lil dan l-isport

Ilkoll nafu kif il-kriżi finanzjarja qed tolqot lil diversi aspetti u strata tas-soċjetà fosthom l-isport. Madankollu, b’sorpriża kbira għal bosta speċjalment għas-segwaċi tal-Formula 1 madwar id-dinja, fl-aħħar jiem ħareġ kif din qed tolqot ukoll lil wieħed mill-iktar sports rikki u sinjuri fid-dinja - il-Formula 1. 

Dan wassal biex numru ta’ sewwieqa ewlenin tal-Formula 1 heddew li kawża ta’ dan huma jistgħu jieħdu azzjoni immedjata fosthom dik ta’ strajk dejjem jekk dawn il-problemi finanzjarji ma jiġux solvuti mill-iktar fis possibbli. Skont rapport li deher fil-jiem li għaddew fuq il-ġurnal ferm popolari Ġemaniż, Bild, jidher li fost dawn is-sewwieqa li għadhom qed jistennew ħlas finanzjarju, insibu ismijiet ta’ klassi u fama mondjali fosthom il-kontroversjali Fillandiż, Kimi Raikkonen. 

Dan is-sewwieq bidel it-tim li miegħu jikkompeti minn Lotus għal Ferrari fil-bidu ta’ dan l-istaġun tal-Formula 1, iżda huwa rrappurtat li huwa għadu qed jistenna għal ħlas sħiħ għall-istaġun tiegħu ma’ Lotus matul is-sena li għaddiet. Dan kompla joħroġ fid-deher waqt il-Grand Prix li sar riċentament fil-Bahrain fejn Raikkonen temm fl-10 post iżda kien propju l-maniġer tiegħu, Steve Robertson, li għamel il-headlines tal-ġurnata. Dan hekk kif huwa deher jargumenta mal-Kap ta’ Team Lotus Federico Gastaldi. 

Huwa rrappurtat li huma argumentaw fuq il-fatt li s-sewwieq li jaqa’ taħt il-kappa ta’ Robertson għad għandu ħlasijiet x’jirċievi mingħand l-istess Gastaldi. Iżda jidher li din l-istorja ma tikkonċernax biss lil Raikkonen. Dan hekk kif huwa mifhum li sewwieqa oħra fosthom Romain Grosjean, Adrian Sutil, Kamui Kobayashi u Nico Hulkenberg ukoll għandhom ħlasijiet finanzjarji x’jirċievu.

Dejjem jekk l-istrajk ikun qed jidħol fis-seħħ, dan ikun qed iħalli lil dan l-isport ikkunsidrat bħala wieħed li jinvolvi eluf jekk mhux miljuni kbar ta’ Ewro fi spejjeż, fi kriżi kbira, u dan meta għadhom għaddew biss tliet tlielaq mill-ftuħ tal-istaġun, liema staġun qed jara lil Mercedes u Lewis Hamilton jiddominaw bil-kbir waqt li jidhru favoriti netti għar-rebħ tax-xettru fi tmiem l-istaġun. 

Dan ipatti bis-sħiħ għad-dominju assolut ta’ Sebastian Vettel u Red Bull Racing fl-aħħar erba’ snin konsekuttivi. Biex niġu lura għal Lewis Hamilton, huwa rrappurtat li dan irrifjuta milli jiffirma d-dokument tal-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lis-Sewwieqa tal-Formula 1 li qed jhedded bi strajk dejjem jekk is-sewwieqa msemmija jibqgħu ma jitħallsux, għalkemm l-istess Hamilton huwa wieħed mill-iktar sewwieqa li jaqilgħu flus fid-dinja tal-Formula 1. 

Hamilton rebaħ kemm il-pole-position kif ukoll il-Grand Prix ta’ Shangai fiċ-Ċina fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet li tajjeb nirrimarkaw li kien it-tielet Grand Prix taċ-Ċina mirbuħ minnu f’seba’ staġuni biex b’hekk għadda lir-rekord ta’ Fernando Alonso fl-istess ċirkwit fejn huwa rebaħ żewġ Grand Prix.

More in Sports