Manchester United jiksbu rebħa kbira biex jieħdu ftit nifs

Manchester United ġewwa darhom f’Old Trafford kisbu rebħa kbira ta’ 4-0 kontra Norwich City biex b’hekk ħadu ftit nifs wara serje ta’ riżultati u wirjiet negattivi matul dan l-istaġun li waslet għat-tkeċċija tal-iSkoċċiż David Moyes iktar kmieni matul din il-ġimgħa bit-tim minn Manchester ikun immexxi għall-ewwel darba minn Ryan Giggs. Il-gowls għar-Red Devils waslu minn doppjetta ta’ Wayne Rooney, bl-ewwel gowl jasal minn penalty waqt li ż-żewġ gowls l-oħra għalihom waslu minn doppejtta oħra din id-darba ta’ Juan Mata. Southampton ġewwa darhom għelbu l-isfida ta’ Everton bl-iskor ta’ 2-0 bil-gowls għalihom jaslu minn żewġ awto-gowls tal-plejers ta’ Everton Alcaraz u Coleman bl-ewwel wieħed jasal wara biss minuta logħob u t-tieni wieħed jasal fil-31 minuta. 

Swansea City ġewwa darhom għelbu lil Aston Villa bl-iskor kbir ta’ 4-1 bil-gowls għat-tim minn Wales jaslu minn doppjetta ta’ Bony, bit-tieni gowl jasal minn penalty propju fid-90 minuta, waqt li ż-żewġ gowls l-oħra waslu minn Shelvey u Hernandez. Min-naħa l-oħra l-gowl uniku għal Aston Villa wasal minn Agbonlahor fit-22 minuta. Tottenham Hotspur barra minn darhom kontra Stoke City kisbu rebħa minima ta’ 1-0 bil-gowl uniku għalihom jasal minn Danny Rose. Tajjeb ngħidu li Stoke City spiċċaw jilagħbu b’10 plejers meta tkeċċa għalihom il-plejer Ryan Shawcross wara li rċieva żewġ karti sofor f’temp ta’ ftit minuti. 

Fulham u Hull City temmew il-konfront ta’ bejniethom f’parità ta’ 2-2 bil-gowls għat-tim minn Londra jaslu minn Dejagah u Amorebieta waqt li ż-żewġ gowls għal Hull City waslu minn Jelavic u Long. West Browmich Albion ġewwa darhom kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra West Ham United bil-gowl waħdieni tagħhom jasal minn Berahino wara 11-il minuta logħob. Intant, illum mill-istess kampjonat ikollna l-logħba ferm importanti mill-quċċata tal-klassifika bejn Liverpool u Chelsea f’Anfield fejn jekk Liverpool jirnexxielhom jiksbu t-3 punti huma jagħmlu pass importanti ħafna għar-rebħ tal-Kampjonat Barclays Premier wara 24 sena. 

Mill-Kampjonat Taljan Serie A TIM, Fiorentina barra minn darhom għelbu lil Fiorentina bl-iskor ta’ 3-0 bil-gowls għalihom jaslu minn doppjetta ta’ Cuadrado waqt li l-gowl l-ieħor wasal minn Ilicic.

More in Sports