Manchester City pass ’il bogħod mir-rebħ tal-Kampjonat u l-United megħluba f’Old Trafford

Manchester City dawru telfa f’rebħa meta barra minn darhom f’Goodison Park għelbu lil Everton bl-iskor ta’ 3-2 bil-gowls għalihom jaslu mis-soliti Aguero u doppjetta ta’ Dzeko waqt li Ross Barkley kien fetaħ l-iskor għal Everton wara 11-il minuta logħob bil-gowl l-ieħor għalihom jasal mill-Belġjan Romelu Lukaku fil-65 minuta. B’hekk issa Manchester City laħqu lil Liverpool fil-quċċata tal-klassifika bi 80 punt fejn hekk kif għad fadal biss żewġ logħbiet għat-tmiem tal-kampjonat jekk il-Blues jirbħu l-aħħar żewġ logħbiet li fadal mill-istess kampjonat Ingliż ikunu propju huma li jirbħu l-kampjonat minħabba differenza ta’ gowls aħjar. 

Min-naħa l-oħra kompliet is-serje ta’ riżultati negattivi għat-tim l-ieħor minn Manchester, Manchester United f’dan il-kampjonat li jista’ jitqies bħala wieħed diżastruż għar-Red Devils meta ġewwa darhom f’Old Trafford tilfu bl-iskor minimu ta’ 1-0 kontra t-tim ferm inferjuri ta’ Sunderland bil-gowl ta’ dan it-tim żgħir jasal minn Larsson man-nofs siegħa logħob. Stoke City ġewwa darhom għelbu lil Fulham bl-iskor kbira ta’ 4-1 bil-gowls għalihom jaslu minn Odemwingie, Arnautovic, Assaidi u Walters waqt li l-gowl uniku għal Fulham fil-logħba wasal minn Richardson fit-80 minuta. Newcastle United ġewwa darhom għelbu lil Cardiff Cuty bl-iskor ta’ 3-0 bil-gowls għall-Magpies jaslu minn Ameobi, Remy u Taylor. 

Aston Villa ġewwa darhom għelbu lil Hull Ciuty bl-iskor ta’ 3-1 biex ikkomplikaw l-affarijiet għas-City rigward ir-relegazzjoni għaċ-Championship bil-gowls għal Villa jaslu minn Westwood u doppjetta ta’ Weimann f’temp ta’ erba’ minuti. Il-gowl uniku għal Hull City fil-logħba wasal minn awto-gowl tal-plejer ta’ Aston Villa, Jordan Bowery fit-28 minuta. Southampton barra minn darhom kisbu tliet punti prezzjużi meta għelbu lil Swansea City bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-gowl għalihom jasal minn Rickie Lambert propju fid-90 minuta. 

West Ham United ġewwa darhom kisbu tliet punti prezzjużi meta ġewwa darhom għelbu lil Tottenham Hotspur bl-iskor ta’ 2-0 bil-gowls għalihom jaslu minn awto-gowl tal-plejers tal-iSpurs Kane u gowl ta’ Stewart Downing fl-44 minuta. Daqqa ta’ ħarta għal Tottenham Hotspour waslet fil-25 minuta meta spiċċaw jilagħbu b’10 plejers hekk kif tkeċċa għalihom il-plejer Younes Kaboul permezz ta’ karta ħamra diretta. Minn dan il-kampjonat wara l-logħob ta’ lbieraħ kellna l-konferma li Cardiff City u Fulham sfaw relegati għaċ-Championship matul l-istaġun li ġej.

Intant, mill-Kampjonat Taljan Serie A TIM illejla jkollna d-Derby ta’ Milan iktar magħruf bħala d-Derby della Madonnina li qed jitqies bħala decider għal min bejn dawn iż-żewġ timijiet li kellhom staġun ferm diżappuntanti jakkwista post fil-UEFA Europa League matul l-istaġun li ġej. Barra minn hekk Juventus jistgħu jsiru champions tal-Italja llum stess dejjem jekk Roma jonqsu milli jiksbu t-tliet punti barra minn darhom kontra Catania fi Sqallija fl-iStadio Massimino. Jekk ma jsirx hekk, Juventus jistgħu jsiru champions għada stess jekk jiksbu biss punt mill-konfront faċli li għandhom ġewwa darhom fil-Juventus Stadium kontra t-tim inferjuri ta’ Atalanta

More in Sports