l-ewwel parti - L-Istorja tat-Tazza tad-Dinja

It-trofew Jules Rimet
It-trofew Jules Rimet
Ir-referee Belġjan John Langenus bil-ġlekk u l-ingravata, kif irreffja l-ewwel finali tat-Tazza tad-Dinja
Ir-referee Belġjan John Langenus bil-ġlekk u l-ingravata, kif irreffja l-ewwel finali tat-Tazza tad-Dinja
It-tim tal-Bolivja jippoża bil-flokkijiet bl-ittri miżbugħa fuqhom bħala ringrazzjament lill-Urugwaj
It-tim tal-Bolivja jippoża bil-flokkijiet bl-ittri miżbugħa fuqhom bħala ringrazzjament lill-Urugwaj

Il-futbol internazzjonali beda tard fis-sena 1872 u kienu bejn l-Ingilterra u l-Iskozja. Matul is-Seklu Dsatax, dan l-isport kien infirex fil-kontinenti kollha. U kien ukoll fis-sena 1885 li l-futbol ġie stabbilit fuq sistema professjonali ġewwa l-Ingilterra.

Mat-twelid tas-Seklu Għoxrin, il-logħba tal-futbol daħlet fil-logħob Olimpiku u fis-sena 1900 ħafna pajjiżi ħadu sehem fil-logħob għad-dilettanti. F’dan is-seklu l-iżvilupp tal-logħba tal-futbol tant kien għaddej b’ritmu mgħaġġel li bdiet tinħass il-ħtieġa li jiġi organizzat fuq bażi internazzjonali. F’laqgħa li saret f’Pariġi fil-21 ta’ Mejju 1904 twaqqfet il-Federation Internationale de Football Association (FIFA). L-ewwel seba’ pajjiżi preżenti għal din il-laqgħa storika kienu Belġju, Danimarka, Franza, Olanda, Spanja, Żvezja u Żvizzera. 

Fis-sena 1921 il-Franciż Jules Rimet ġie magħżul bħala t-tielet president tal-FIFA. Rimet kien diġà okkupa l-kariga ta’ President tal-għaqda tal-Futbol Franċiża (FFF) għal tletin sena, sa mill-1919. Flimkien ma’ sieħbu l-Franċiż Henri Delaunay, welldu l-ħsieb tat-Tazza tad-Dinja. Jules Rimet dam fit-tmexxija sas-sena 1954. Fl-ewwel snin tal-presidenza tiegħu, Rimet ħadem u stinka biex il-kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tibda tiġi organizzata fuq skala internazzjonali. 

Fl-1928 din il-proposta għaddiet mill-Kungress tal-FIFA f’Amsterdam u sena wara f’Barċellona ġew approvati r-regolamenti għal din il-kompetizzjoni. Ġiet stabbilita s-sena 1930 biex tagħti bidu għal dan l-akbar avveniment sportiv u l-ewwel pajjiżi li ġew ikkunsidrati biex jorganizzaw il-logħob kienu l-Italja, l-Olanda, l-Iżvezja, Spanja u l-Urugwaj. Għal din il-kompetizzjoni internazzjonali, il-FIFA lestiet tazza mill-isbaħ li aktar tard issemmiet għall-president Jules Rimet.

 

Urugwaj 1930

L-ewwel edizzjoni ta’ dik li kellha tkun waħda mill-aqwa kompetizzjonijiet tal-futbol saret fl-1930. Il-FIFA għażlet li tafda l-organizzazzjoni f’idejn l-Urugwaj. li kien se jiċċelebra l-100 sena tiegħu mill-Indipendenza u għalhekk ġiet milqugħa t-talba tiegħu biex jospita l-logħob. Iżda kien hemm problema serja għal dawk iż-żminijiet – il-vjaġġ lejn l-Amerika t’Isfel. Sabiex tinqabeż din il-problema, l-Urugwaj kien offra li jħallas l-ispejjeż kollha lit-timijiet li kienu se jipparteċipaw, sew sabiex jaslu l-Amerika t’Isfel u sew matul iż-żmien tagħhom hemmhekk. Barra minn hekk, wiegħed li jibni grawnd ġdid li kellu jissemma Centenario, proprju minħabba l-anniversarju tal-Indipendenza. Dan l-istadium kien jesa’ madwar 95,000 spettatur.

Minbarra l-erba’ timijiet mill-Ewropa, li kienu Franza, il-Jugoslavja, ir-Rumanija, u l-Belġju, ħadu sehem ukoll tmien pajjiżi mill-Amerika Ċentrali u l-Amerika t’Isfel li kienu l-Messiku, iċ-Ċilì, l-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, il-Perù, l-Urugwaj, il-Paragwaj, u l-Istati Uniti tal-Amerika.

Madwar xahrejn qabel il-kompetizzjoni, l-organizzaturi ndunaw li ma kellhomx parteċipanti biżżejjed u allura ġie deċiż li t-tlettax-il tim jiġu maqsuma fi tliet gruppi ta’ tliet timijiet u grupp b’erbgħa. L-aqwa erba’ timijiet, l-Urugwaj, l-Arġentina, l-Istati Uniti, u l-Jugoslavja ġew imqiegħda fi gruppi differenti. 

L-ewwel logħba tal-kompetizzjoni, u l-ewwel waħda fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja, kienet bejn il-Messiku u Franza, u ntlagħbet il-Ħadd 13 ta’ Lulju waranofsinhar. 

Folla żgħira ta’ madwar elf ruħ rat lill-Franċiżi jirbħu 4-1 f’Estadio Pocitos. Ironikament għall-Franċiżi din kienet l-ewwel rebħa wara ħdax-il logħba, u l-uniku tim, qabel il-Messiku, li l-Franċiżi qatt rebħu miegħu kien il-Gwatemala. Minn dan wieħed jista’ jobsor x’livell kellu t-tim Messikan.

Lucien Laurent sar l-ewwel plejer li skorja fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja, u dan għamlu wara 19-il minuta. Lucien stess irrakkonta, qabel ma miet fl-2005, kif il-gowlkeeper Thépot bis-sieq xeħet fit-tul lejn Augustin Chantrel, li qassam lejn Liberati, li ġera ma’ tul il-linja kollha, qassam ’il barra fil-kaxxa lejn Lucien Laurent li mingħajr ma qagħad jaħsibha fajjar xutt li daħal fil-kantuniera ta’ fuq. Il-ferħ ta’ Lucien Laurent kien meqjus ħafna, għaliex hu stqarr li ftit għaddielu minn rasu li kien l-ewwel gowl tat-Tazza tad-Dinja, u li kien se jibqa’ jissemma! Baqgħet imsemmija wkoll bħala l-ewwel logħba li fiha plejer skorja żewġ gowls. Dan għamlu l-Franċiż Maschinot fit-42 minuta b’xutt wara pass ta’ Delfour, u tliet minuti mit-tmiem minn kross tal-plejer veloċi Langiller. Bejniethom, il-Messiku kien naqqas id-distakk b’gowl ta’ Juan Carreño fis-70 minuta. Il-Franċiżi kienu rebħu b’mod ċar minkejja li l-gowlkeeper bravu tagħhom Alex Thépot kellu jħalli l-grawnd wara tletin minuta. Thépot kien qala’ daqqa ta’ sieq fuq geddumu u postu ħadu d-difensur Augustin Chantrel! Dan il-fatt jinstema’ kurjuż ħafna però ma kienx. Kien għad fadal madwar erbgħin sena biex il-FIFA tintroduċi s-sostituzzjonijiet! 

Kurjuż il-fatt li jumejn wara l-Franċiżi reġgħu lagħbu, did-darba kontra l-Arġentina, biċ-Ċilì tibqa’ tistenna li tagħmel id-debutt f’din l-edizzjoni. Fit-tim Arġentin lagħab ċertu Luisito Monti, li aktar tard kellu jirbaħ l-unur tal-aqwa plejer tat-tornew. Dan kien ġab diskussjoni kbira, għaliex Monti, għalkemm it-talent tiegħu kien indiskuss, kien plejer goff. L-ewwel ‘vittma’ ta’ Monti kien l-istilla Franċiża Lucien Laurent, li qatta’ l-bqija tal-ħin izappap. Iżda l-logħba tibqa’ mfakkra għal żball kardinali li għamel ir-referì Brażiljan Gilberto de Almeida Rêgo, li saffar tmiem il-logħba, sitt minuti qabel! Hawn inqala’ minn kollox! Il-partitarji Arġentini invadew il-grawnd, filwaqt li l-plejers Franċiżi daru mar-referì jipprotestaw. Kellha tidħol il-kavallerija biż-żwiemel tagħha sabiex tferrex lill-Arġentini, biex il-logħba titkompla wara li Senõr Rêgo kkonsulta mal-assistenti tiegħu. Wieħed jista’ jimmaġina l-aħħar sitt minuti taħt liema pressjoni ntlagħbu! 

L-Arġentina għaddiet minn grupp A filwaqt li l-Jugoslavja għaddiet minn grupp B wara żewġ rebħiet fuq il-Brażil (2-1) u l-Bolivja (4-0). Kurjuż il-fatt li l-plejers tal-Bolivja, sabiex jirringrazzjaw lill-organizzaturi, ħasbu li jiżbgħu ittra kull wieħed fuq il-flokk, li f’daqqa kellha tinqara ‘VIVA URUGUAY’. L-unika ħaġa hi li ħadu żball u ma qagħdux fl-ordni, bil-pubbliku jipprova jaqta’ x’kien hemm miktub, sakemm diriġent tal-Bolivja ħareġ u rranġa lill-plejers. 

Minn grupp C għaddew l-organizzaturi l-Urugwaj u mill-aħħar grupp l-Istati Uniti. Fis-semi finali, kellna riżultati indentiċi ta’ 6-1. L-Arġentina għelbet lill-Istati Uniti filwaqt li l-Urugwaj għeleb lill-Jugoslavja. Għalhekk il-finali kellha tlaqqa’ lir-rivali Arġentina u l-Urugwaj. Kien hemm tensjoni kbira għal-logħba tant li s-suldati għassa mad-dawra tal-grawnd kienu armati sa snienhom. Anke ir-referì Belġjan John Langenus talab li jkollu skorta. Il-problemi komplew anke fil-grawnd meta ż-żewġ timijiet insistew li l-logħba tintlagħab bil-ballun tagħhom. Langenus iddeċieda li jintlagħab nofs logħba b’kull ballun. Finalment l-Urugwaj rebaħ din l-ewwel edizzjoni 2-1 u saru ċelebrazzjonijiet sħaħ li damu sejrin għal ħafna. 

 

Italja 1934

It-tieni edizzjoni kienet l-ewwel waħda li ġiet organizzata fl-Ewropa. L-Italja kienet taħt it-tmexxija dittatorjali ta’ Benito Mussolini li ħataf l-okkażjoni biex jagħmel reklam lill-Italja faxxista meta għajnejn id-dinja kollha kienet fuqha. Tnejn u tletin nazzjon applikaw biex jieħdu sehem. 22 mill-Ewropa, 8 mill-Amerika, pajjiż mill-Asja, u ieħor mill-Afrika. Dawn kollha, l-Italja inkluża, ħadu sehem f’logħbiet preliminari biex minnhom 16-il tim għadda għall-fażi finali – speċi ta’ knock-out. Kurjuż il-fatt li l-ewwel tmien logħbiet kollha ntlagħbu fl-istess ġurnata – fis-27 ta’ Mejju, u għalkemm fi tmien stadiums differenti, fi tmint ibliet differenti, kollha bdew fl-istess ħin - fl-4.30! L-Italja, l-Iżvizzera, l-Ġermanja, l-Awstrija, Spanja, l-Iżvezja, l-Ungerija u ċ-Ċekoslovakkja kollha rebħu u għaddew. Fatt kurjuż – kien fadal biss timijiet mill-Ewropa. Fit-tieni rawnd il-logħba bejn l-Italja u Spanja ntemmet f’parità u għalhekk kellha terġa’ tintlagħab. Stramb il-fatt kif il-FIFA ddeċidiet li din tintlagħab l-għada. Ovvjament ħafna plejers ma rkuprawx u ma lagħbux. L-Italja rebħet 1-0 u għaddiet flimkien mal-Ġermanja, l-Awstrija u ċ-Ċekoslovakkja. Jumejn wara, fis-semi finali t-Taljani għelbu lill-Awstrija b’gowl ta’ Guaita filwaqt li ċ-Ċekoslovakkja għelbet lill-Ġermanja 3-1. 

 

Il-logħba finali 

Il-logħba ntlagħbet quddiem folla ta’ madwar 50,000 ruħ fil-grawnd tal-kapitali Ruma. Iż-żewġ timijiet kienu mmexxija mill-gowlkipers tagħhom li anke kienu l-captains tat-tim. Taħt għajnejn id-Duce, it-Taljani batew ħafna biex rebħu b’gowl ta’ Angelo Schiavio ħames minuti fil-ħin barrani wara li saħansitra kienu sfaw gowl minn taħt skorjat minn Puč Antonin fil-71 minuta li patta għalih Raimundo Orsi għaxar minuti wara. It-Taljani, taħt xita ta’ kontroversja minħabba li lagħbu plejers Arġentini fit-tim, saru l-ewwel nazzjon Ewropew li rebaħ it-Tazza tad-Dinja. 

 

Din l-informazzjoni ttieħdet mill-ktieb bil-Malti – L-Istorja tat-Tazza tad-Dinja, miktub minn Ramon Zammit li bħalissa jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

More in Sports