25 jum bogħod mit-Tazza tad-Dinja – stennija, aspettattivi u tbassir

Fadal biss 25 jum biex tibda l-iktar kompetizzjoni importanti fil-futbol mondjali, li tiġbed l-interess mhux biss tas-segwaċi u l-fanatiċi tal-futbol mondjali iżda wkoll ta’ dawk li ma tantx jinteressahom il-futbol u l-mara tad-dar! F’dawn il-jiem bħal donnu kulħadd jibda janalizza u jbassar min se jkun dak it-tim li l-iktar se jimpressjona, dak il-plejer li jkun se jħalli marka partikolari u min jista’ jkun is-sorpriża pożittiva. 

M’hemmx dubju li l-Brażil jibdew bħala favoriti ta’ din it-Tazza tad-Dinja – l-ewwel nett għax se jkunu qed jilagħbu f’pajjiżhom u t-tieni minħabba l-klassi li lkoll nafu li dan it-tim nazzjonali jippossjedi bi plejers bħal Neymar, Hulk u Julio Cesar fost oħrajn. Timijiet oħra li żgur li se nkunu qed narawhom fil-fażijiet finali ta’ din l-iktar kompetizzjoni prestiġjuża fil-futbol mondjali huma bla dubju Spanja, l-Italja u l-Ġermanja. Nibdew minn Spanja fejn dawn iddominaw il-futbol mondjali fl-aħħar diċenju fejn jippossjedu plejers bħal Xavi u Iniesta li però jidher li qed inaqqsu mir-rendiment tagħhom hekk kif qed jikbru fiż-żmien. Min-naħa l-oħra l-futbol Taljan jinsab għaddej minn kriżi kbira u huwa kkaratterizzat minn vjolenza fl-istadia u barra minnhom kif ukoll minn xamma ta’ korruzzjoni. Madankollu fejn jidħol tim nazzjonali, dan it-tim meta ġie għas-serjetà f’logħbiet tat-Tazza tad-Dinja dejjem għamel l-almu tiegħu kollu u għalkemm dejjem ibati fl-ewwel logħbiet kważi dejjem jirnexxielu jasal sal-fażijiet finali ta’ din il-kompetizzjoni. F’dan it-tim tinħass problema fl-attakk fejn l-unika ċertezza huwa Balotelli li però l-aġir tiegħu fil-grawnd u anki barra minnu huwa ferm imprevedibbli. Madankollu teżisti inċertezza fuq min Prandelli se jagħżel biex jakkumpanja lil dan il-plejer ferm kontroversjali fl-attakk fejn qed jissemmew ismijiet bħal Cerci, Immobile, Destro, Pazzini u El Shaarawy li jistgħu jkunu inklużi f’dan id-dipartiment. 

Interessanti huwa l-fatt li fil-grupp tal-Italja nsibu lill-Ingilterra, l-Urugwaj u l-Kosta Rica fejn mal-ewwel ħarsa li nagħtu lil dan il-grupp nindunaw li se tkun qed tispikka l-logħba bejn l-Italja u l-Ingilterra li se tintlagħab fl-14 ta’ Ġunju f’nofsilejl wara li oriġinarjament din il-logħba kellha tintlagħab fit-3am iżda ċċaqalqet minħabba raġunijiet ovvji li jikkonċernaw l-ispettaklu li għandha toffri din il-logħba. Ilkoll nafu bir-rivalità kbira li tirrenja f’pajjiżna bejn l-Italja u l-Ingilterra li tajjeb ngħidu li teżisti f’pajjiżna biss u fl-ebda pajjż ieħor fid-dinja! Ftit tal-ġimgħat ilu l-kowċ nazzjonali tal-Ingliżi Roy Hodgson ta’ motivatur kbir li hu saħaq li mhux se jkunu qed jibżgħu mill-ebda tim fosthom l-Italja u l-Urugwaj u għalhekk kollox jindika li dan it-tim speċjalment b’nukleu ta’ plejers żgħażagħ li jippossjedi jista’ jkun li javvanza għal stadji finali ta’ din il-kompetizzjoni. F’dak li għandu x’jaqsam mal-Urugwaj dan it-tim jippossjedi plejers bħal Cavani u Suarez fl-attakk li flimkien jistgħu jipprovdu magna ta’ gowls għal dan it-tim nazzjonali.

Niġu issa għall-Arġentina li wkoll huwa meqjus mill-bookmakers bħala tim li jista’ jkun li jirbaħ din il-kompetizzjoni. Dan hekk kif fost oħrajn dan it-tim għandu lill-plejer Lionel Messi meqjus minn ħafna bħala wieħed mill-aqwa futbolers li qatt rat id-dinja flimkien ma’ Pelè u Maradona. Però dan il-plejer bħal donnu jsir enigmatiku mal-Arġentina hekk kif kemm-il darba jonqos milli jilħaq l-aspettattivi waqt li mal-klabb ta’ Barcelona fi Spanja jispikka bil-kbir u jagħmel il-meravilji. Fattur għal dan jista’ jkun li mal-Arġentina m’għandux plejers bħal Xavi u Iniesta li jtuh il-blalen kif ikun jixtieq hu. 

Din tista’ tkun l-aħħar Tazza tad-Dinja għal Messi minħabba li qed jikber fl-età u għalhekk huwa fundamentali għalih li juri lil kulħadd x’jaf joffri għalkemm bosta diġà segwew mill-qrib il-kapaċitajiet uniċi ta’ dan il-plejer fil-futbol. Fattur ieħor li għamel l-aħbarijiet u li għandu x’jaqsam ma’ dan it-tim huwa l-esklużjoni ta’ Tevez minn dan it-tim nazzjonali li tidher li waslet minħabba problemi personali u politiċi mal-kowċ nazzjonali Sabella fejn dan il-kowċ jidher li jġib il-problemi personali tiegħu qabel fatturi oħra li jikkonċernaw l-akbar ġid ta’ pajjiżu. Meta tqis li Tevez kien wieħed mill-aqwa skorers fis-Serie A fl-Italja ma’ Juventus fejn għenhom bil-kbir biex jirbħu l-kampjonat wieħed isaqsi kif jista’ Sabella jgħaddi mingħajr is-servizzi ta’ dan l-attakkant prolifiku għalkemm ilkoll nafu li l-Arġentina għandhom plejers oħra ta’ klassi mondjali fosthom Sergio Aguero, Lavezzi u oħrajn.

Il-Belġju jista’ jkun dak it-tim nazzjonali li joħloq is-sorpriża pożittiva hekk kif dawn għandhom plejers ta’ klassi u li għamlu isem fid-diversi kampjonati li jimmilitaw fihom madwar l-Ewropa. Fost dawn il-plejers insibu lil Fellaini, Kompany, Hazard u l-gowlkeeper ta’ Atletico Madrid, Thibaut Courtois li għalkemm għad għandu biss 23 sena bħalissa huwa meqjus minn ħafna bħala l-aqwa goalkeeper fid-dinja. Daqqa ta’ ħarta għalihom kienet meta safa mweġġa’ fit-tul il-plejer tagħhom Christian Benteke ma’ Aston Villa ftit tax-xhur ilu li fissret li dan il-plejer se jkun qed jitlef ukoll it-Tazza tad-Dinja għad-detriment tal-Belġju. Fattur li jista’ jtellef lill-Belġju f’din it-Tazza tad-Dinja huwa l-pressjoni li tista’ tirriżulta bħala waħda żejda fuq dan it-tim nazzjonali hekk kif ħafna qed jistennew affarijiet kbar minnhom però mbagħad meta jiġu biex jilagħbu flimkien jista’ jkun li dawn il-plejers ma jilħqux l-aspettattivi. 

Insemmu wkoll lill-Portugall li jipposjedu diversi plejers ta’ klassi kbira fosthom il-plejer Cristiano Ronaldo li f’Diċembru li għadda rebaħ il-Ballun tad-Deheb. Però kif rajna fl-aħħar logħbiet fosthom fil-playoff li fiha eliminaw lill-Isvezja ta’ Zlatan Ibrahimovic, dan it-tim huwa wisq dipendenti fuq dan il-plejer fejn jekk l-istess plejer ikollu wirja fqira, jispiċċa biex ibati t-tim nazzjonali Portugiż kollu.

Ma nistgħux ma nsemmux li f’din it-Tazza tad-Dinja mhux se naraw plejers ta’ klassi u fama mondjali fosthom Ibrahimovic li saħaq li t-Tazza tad-Dinja mingħajru mhux ta’ min jaraha, il-gowlkeepers Petr Cech u Samir Handanovich, il-plejers Daniżi Christian Eriksen u Daniel Agger fost oħrajn minħabba li t-timijiet nazzjonali rispettivi tagħhom l-iSvezja, ir-Repubblika Ċeka u l-iSlovenja ma rnexxielhomx jagħmluha għat-Tazza tad-Dinja għad-diżappunt ta’ ħafna. L-istennija għal din il-kompetizzjoni hija kbira fid-dinja kollha fosthom f’Malta. Nistennew u naraw x’se jkun qed joffrilna l-Brażil wara preparazzjoni mhux daqstant xierqa u kemxejn negattiva mill-awtoritajiet tal-istess pajjiż u li fl-aħħar ġimgħat għamlu l-headlines tal-aħbarijiet mhux biss sportivi iżda anki dawk ta’ ġrajjiet kurrenti. 

More in Sports