Arsenal jirbħu l-FA Cup wara nuqqas ta’ 9 snin

Bi tbatija u wara li kienu żewġ gowls minn taħt Arsenal rebħu l-FA Cup wara nuqqas ta’ 9 snin meta wara l-ħin barrani għelbu lit-tim inferjuri ta’ Hull City bl-iskor ta’ 3-2. 

L-aħħar darba li Arsenal rebħu l-FA Cup kien propju fl-2005 meta kienu għelbu lir-rivali Manchester United wara l-għoti tal-penalties. Ftit kienu jimmaġinaw li wara dak l-unur il-Gunners kienu għadhom qatt ma rebħu unur prinċipali ieħor kemm fil-futbol Ingliż kif ukoll f’dak mondjali. 

Min-naħa l-oħra din kienet l-ewwel finali tal-FA Cup għal Hull City fejn tajjeb ngħidu li fi storja ta’ 110 snin qatt ma rebħu unur maġġur. Kienu Hull City li fetħu l-iskor permezz ta’ James Chester wara biss 4 minuti logħob b’Davies jirdoppja l-iskor għat-Tigers ħames minuti biss wara. Iżda Arsenal naqsu l-marġni tal-iskor fis-17-il minuta permezz ta’ Santi Cazorla b’Koscielny jġib l-iskor indaqs għall-Gunners fil-71 minuta. 

Sad-90 minuta, il-logħba ntemmet f’parità ta’ 2-2 u għalhekk il-logħba kellha tmur għall-ħin barrani b’Aaron Ramsey jispiċċa biex ikun l-eroj assolut għall-Arsenal hekk kif skorja l-gowl li fisser ir-rebħ tal-FA Cup għalihom wara nuqqas ta’ 9 snin fil-109 minuta. 

More in Sports