Id-dinja tieqaf u tħares lejn il-Brażil

Ħarsa lejn kif waqfet id-dinja biex iddawwar ħarsitha lejn dak li qed jiġri fit-Tazza tad-Dinja

F’Malta t-Tazza tad-Dinja tfisser biss ċelebrazzjoni u żmien tajjeb għan-negozju tad-divertiment. Ritratt: Ray Attard
F’Malta t-Tazza tad-Dinja tfisser biss ċelebrazzjoni u żmien tajjeb għan-negozju tad-divertiment. Ritratt: Ray Attard
Casillas (u Spanja) għarkuptejhom quddiem il-qawwa tal-Olanda. Il-mument li fih Arjen Robben qabeż lil Casillas u tefa’ fix-xibka għal skor ta’ 5-1. Ritratt: EPA
Casillas (u Spanja) għarkuptejhom quddiem il-qawwa tal-Olanda. Il-mument li fih Arjen Robben qabeż lil Casillas u tefa’ fix-xibka għal skor ta’ 5-1. Ritratt: EPA
Mument rari ta’ diżappunt kbir għall-Ispanjoli, champions tad-dinja u tal-Ewropa. Ritratt: EPA
Mument rari ta’ diżappunt kbir għall-Ispanjoli, champions tad-dinja u tal-Ewropa. Ritratt: EPA
Il-Brażiljani kienu frustrati għal ħafna mill-ħin il-Ħamis filgħaxija, bit-tim tagħhom jonqos milli jilħaq l-aspettattivi ta’ logħob mill-isbaħ. Ritratt: EPA
Il-Brażiljani kienu frustrati għal ħafna mill-ħin il-Ħamis filgħaxija, bit-tim tagħhom jonqos milli jilħaq l-aspettattivi ta’ logħob mill-isbaħ. Ritratt: EPA
Il-logħba tal-ftuħ bejn il-Brażil u l-Kroazja kienet dominata minn deċiżjonijiet żbaljati tar-referee, li ta penalty ineżistenti favur il-Brażil. Ritratt: EPA
Il-logħba tal-ftuħ bejn il-Brażil u l-Kroazja kienet dominata minn deċiżjonijiet żbaljati tar-referee, li ta penalty ineżistenti favur il-Brażil. Ritratt: EPA
L-ewwel gowl tal-kompetizzjoni kien awtogol. B’pajjiż sħiħ jistenna li jara lit-tim Brażiljan joħroġ rebbieħ, kienet ħolma kerha għal Marcelo li tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess. Ritratt: EPA
L-ewwel gowl tal-kompetizzjoni kien awtogol. B’pajjiż sħiħ jistenna li jara lit-tim Brażiljan joħroġ rebbieħ, kienet ħolma kerha għal Marcelo li tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess. Ritratt: EPA

Qas il-politika lokali – suġġett popolari mal-Maltin is-sena kollha – ma kienet kapaċi li tibqa’ fuq fomm kulħadd din il-ġimgħa.
Il-partiti politiċi, li sa tliet ġimgħat ilu kienu għaddejjin b’kampanjar kontinwu biex jeleġġu l-MEPs il-ġodda, donnhom tilfu ‘s-seħer’ li kellhom. Xejn u ħadd ma jegħleb il-popolarità tat-Tazza tad-Dinja.
Wara xhur ta’ stennija d-dinja kollha waqfet u tefgħet ħarsitha lejn il-Brażil. Peress li mhux biżżejjed li dan il-pajjiż hu l-aktar wieħed iffissat fuq il-logħba tal-futbol, il-Brażil intgħażel biex jospita din il-kompetizzjoni.
Għażla li mal-ewwel ħarsa ntlaqgħet tajjeb - mhux bi kritika qawwija kif jista’ jingħad għad-deċiżjoni li l-Qatar se jospita dik tal-2022 (fost xamma kbira ta’ korruzzjoni biex rebħet dan id-dritt).
Iżda kif beda għaddej iż-żmien il-Brażiljani ma baqgħux bl-istess ewforiżmu u ħafna bdew jibdew isaqsu jekk kinitx deċiżjoni għaqlija li pajjiż mimli inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi jonfoq biljuni ta’ ewro fuq il-futbol.
Il-Ħamis filgħodu; jekk id-dinja kienet qed tistenna bi ħġarha l-ftuħ taċ-ċerimonja u l-bidu tal-logħob, it-tensjoni fil-Brażil kienet qed tiżdied. Dan eskala għal protesti, ftit sigħat biss qabel il-ftuħ.
Fid-dawl ta’ din it-tensjoni, il-President tal-Brażil Dilma Rousseff m’għamlitx diskorsi waqt il-ftuħ taċ-ċerimonji, biex tevita bbuwjar u reazzjoni negattiva minn dawk preżenti. Żgur li qatt mhu faċli għal politikant li jitlef okkażjoni bħal din, speċjalment għal Rousseff li f’Ottubru li ġej għandha l-elezzjoni presidenzjali.
F’Malta t-Tazza tad-Dinja tfisser biss ċelebrazzjoni. Kulħadd kuntent li jista’ jara kull logħba b’mod dirett fil-kumdità ta’ daru grazzi għall-PBS, b’kuntrast mal-passat fejn wieħed kien jiddependi fuq l-istazzjonijiet Taljani jew xi operatur privat lokali.
U dawk l-uħud li kien itihom f’għajnhom il-kummentaturi Maltin (li wħud minnhom qatt ma kienu jagħtu servizz professjonali, b’oħrajn li jinżlulek għasel) il-PBS preżentalhom il-logħob b’kummentarju Ingliż. Xi jridu aktar il-Maltin?
Iridu postijiet fejn jistgħu jiċċelebraw u jaraw mal-ħbieb dawn il-logħob ferm mistennija. U għal wieħed għandna tnejn, tlieta, erbgħa.
Il-villaġġ ‘uffiċjali’ tat-Tazza tad-Dinja qiegħed stabbilit ħdejn l-Akwarju Nazzjonali tal-Qawra. Għal min jara din id-destinazzjoni bħala problema ta’ parkeġġ u distanza, għandu għażliet oħra x’jagħżel.
Eżempju għandek il-villaġġ li ntrama fil-Marsa Shipbuilding, organizzat mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali. Minn mindu Malta bdiet tiċċelebra l-futbol bħala festa nazzjonali hi kwistjoni oħra, li forsi jista’ jirrispondi Lou Bondi biss.
Għan-naħa t’isfel ta’ Malta ntrama villaġġ ieħor f’Ħaż-Żabbar fit-terminus il-qadim, bis-sehem ta’ bosta personalitajiet u divertiment.
Stabbilimenti tal-ikel u x-xorb ukoll se jkollhom żieda fil-profitti minħabba dan l-istaġun tal-futbol. Il-logħba ta’ dan il-lejl, bejn l-Italja u l-Ingilterra, żgur se tkun l-aktar waħda li toħroġ lil Maltin minn djarhom.
Iżda ċert li s-sidien ta’ dawn in-negozji xtaqu li l-aktar żewġ pajjiżi li jsegwu l-Maltin ma ġewx fl-istess grupp u li jiltaqgħu aktar tard fil-kompetizzjoni. Quddiem il-qawwa tal-Urugwaj, wieħed bejn l-Italja u l-Ingilterra mhux mistenni li jgħaddi għar-rawnd li jmiss. Mhux sigriet li sakemm l-Ingilterra ma jirnexxiliex tegħleb l-Italja dan il-lejl, l-Ingliżi huma aktar pessimisti mit-Taljani dwar il-possibbiltà li jibqgħu l-Brażil għal żmien twil.
Timijiet oħra li numru ta’ Maltin jissimpatizzaw magħhom, bħal Ġermanja u Spanja, ukoll għandhom ċans li jferrħu lil min isegwihom lokalment… Anke jekk Spanja spiċċaw imbiċċra kontra l-Olanda l-Ġimgħa filgħaxija. Il-Brażil jista’ jkollhom il-vantaġġ li qed jilagħbu f’arthom, iżda kif rajna mil-logħba tal-ftuħ kontra l-Kroazja hemm bżonn ta’ ħafna aktar minn hekk jekk iridu jaqtgħu l-ħolma tagħhom li jgħollu t-tazza f’pajjiżhom. Imma l-futbol dejjem ta sorpriżi u xejn ma jista’ jiġi eskluż f’dan l-istadju.

Nistennew u naraw!

 

More in Sports