It-tieni parti - L-Istorja tat-Tazza tad-Dinja

Il-poster uffiċjali tal-edizzjoni tal-1950 fil-Brażil
Il-poster uffiċjali tal-edizzjoni tal-1950 fil-Brażil

It-Tielet Edizzjoni - Franza 1938


It-tielet edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja ntlagħbet fi Franza, taħt is-sħab tat-Tieni Gwerra Dinjija. Din il-qagħda, ġabet inċertezzi kbar, tant li ħafna nazzjonijiet żammew lura milli jipparteċipaw. Il-FIFA kellha għażla iebsa x’tagħmel, iżda finalment għażlet li din l-edizzjoni terġa’ ssir fl-Ewropa. L-Awstrija ma kinitx għadha teżisti. Fit-12 ta’ Marzu truppi Ġermaniżi invadew il-pajjiż, biex issa l-Awstrija kienet taħt il-kmand tad-dittatur Nażista Adolf Hitler, u parti mill-Ġermanja. Xahar wara, il-Federazzjoni tal-Futbol Awstrijaka ħarġet komunikat fejn qalet li minn dak il-mument kienet waqfet il-funzjoni tagħha. L-aħjar plejers Awstrijaċi, disgħa b’kollox, kienu mġiegħla jilagħbu għall-Ġermanja taħt il-bandiera Nażista.
Minħabba l-irtirar tal-Awstrija, in-numru ta’ pajjiżi fil-fażi finali waqa’ għal 15. Il-FIFA jidher li ħatfet l-okkażjoni sabiex tipprova tagħmel paċi mal-Ingilterra u talbitha tingħaqad lura magħha u tieħu post l-Awstrija. Iżda l-Ingilterra rrifjutat. Peress li l-poloz kienu ġa magħrufa, l-Iżvezja għaddew għat-tieni fażi awtomatikament minħabba li kienu telgħu biex jilagħbu mal-Awstrija.
Bħala organizzaturi, Franza addottaw l-istess sistema ta’ knock-out, li kienet intużat fl-edizzjoni ta’ qabel mill-Italja. Il-logħob kollu ntlagħab fi grawnds differenti mxerrda mal-pajjiż kollu. Bħala livell ta’ logħob, ma kienx hemm dubju li ta’ din l-edizzjoni kellu jkun ferm aħjar. Ħamsa mis-7 logħbiet tal-ewwel rawnd kienu viċini u kkumbattuti ferm, tant li spiċċaw kollha bil-ħin barrani u f’żewġ każi kien hemm bżonn ta’ repetizzjoni tal-logħba. Waħda minn dawn kienet il-logħba tal-ftuħ bejn l-Iżvizzeri u l-Ġermaniżi f’Parc de Princes f’Pariġi. Dakinhar quddiem folla ta’ 27,000 ruħ il-Ġermaniżi, b’ħames Awstrijaċi fit-tim, ġew f’parità biex imbagħad meta reġgħet saret il-logħba, l-Iżvizzera rebħu 4-2.
It-Taljani, kienu għoddhom sfaw eliminati fi stadju bikri tal-kompetizzjoni. F’Marsilja, l-‘azzurri’ ltaqgħu kontra l-qawwa tan-Norveġja. It-Taljani kellhom bidu mill-aqwa fejn saħansitra kienu gowl minn fuq wara biss żewġ minuti b’gowl ta’ Pietro Ferraris II. Iżda sa tmiem l-ewwel taqsima n-Norveġiżi kienu diġà laqtu l-mimduda tliet darbiet! L-isforzi tagħhom taw il-frott ftit wara l-mistrieħ. Kien Brustad li daħal għan-nofs wara ġirja fuq il-linja, bidel il-ballun ma’ Brynildsen, qabeż lil Monzeglio, u għeleb lil Olivieri. Brustad saħansitra reġa’ skorja ftit wara, iżda l-gowl tiegħu ġie mħassar biex ftit minuti wara, kellu jkun save kbir ta’ Olivieri fuq xutt qawwi ta’ Brynildsen, li żamm lit-Taljani fil-logħba. L-iskor baqa’ ma nbidilx, biex il-logħba għaddiet għall-ħin barrani. Bħal ħafna drabi oħra fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni, il-fortuna daħqet lit-Taljani, li għalkemm kienu qegħdin jiġu assedjati, huma xorta rnexxielhom jirbħu kontra x-xejra tal-logħob, b’gowl ta’ Piola.
Waħda mill-isbaħ logħbiet tal-edizzjoni kollha kienet bejn il-Brażil u l-Polonja, ukoll mill-ewwel rawnd, li ntemmet 6-5. Il-Brażiljani kellhom tim b’saħħtu u sa tmiem l-ewwel taqsima kienu diġà 3-1 minn fuq, b’Leônidas jiskorja hat-trick. Iżda reazzjoni kbira mill-Pollakki, wasslet biex iġibu l-iskor indaqs u jisforzaw il-ħin barrani. Hawnhekk il-Brażil skorjaw b’Wilimowski jwieġeb għall-Pollakki. Leônidas u Wilimowski skorjaw erba’ gowls kull wieħed f’din il-logħba.
F’Toulouse deher għall-ewwel darba tim minn Kuba li ltaqa’ kontra r-Rumanija f’logħba mill-isbaħ u sforzaw replay wara parità ta’ 3-3. Folla miżera ta’ 6,000 ruħ assistiet għal din il-logħba u kien hemm inqas fir-replay, li spiċċat b’rebħa ta’ 2-1 favur il-Kubani.
Logħba oħra mill-ewwel rawnd li marret fil-ħin barrani kienet dik bejn l-Olanda u ċ-Ċekoslovakkja. F’Le Havre, l-Olanda rnexxielha żżomm sod ħafna kontra l-qawwa Ċeka għal 90 minuta, iżda ċediet f’daqqa fil-ħin barrani. L-Olandiżi ħassew in-nuqqas tal-aqwa skorer tagħhom Bep Bakhuys li ma lagħabx. Sitt minuti mill-bidu tal-ħin barrani, Košt’álek poġġa liċ-Ċeki minn fuq b’xutt mill-bogħod, b’Zeman iżid ieħor ftit wara. Nejedlý aċċerta r-rebħa għaċ-Ċekoslovakkja bit-tielet gowl fl-aħħar minuta. Fl-istess ġurnata l-Ungerija warrbet l-isfida tad-debuttanti Dutch East Indies bl-inqas sforz. Sal-ewwel taqsima l-Ungeriżi kienu diġà 4-0.
L-aħħar logħba mill-ewwel rawnd kienet bejn Franza u l-Belġju fi Stade Colombes f’Pariġi. Franza rebħu 3-1.
Iżda ċ-ċelebrazzjonijiet Franċiżi ma tantx kellhom idumu. Sebat ijiem wara, fil-logħba kontra l-Italja, il-Franċiżi ħarġu telliefa 3-1. Differenti mill-edizzjonijiet ta’ qabel, issa kien ċert li l-pajjiż organizzatur ma kienx se jkun ir-rebbieħ.
L-Iżvediżi deher li kien se jkollhom l-iktar logħba delikata tat-tieni rawnd meta telgħu biex jilagħbu kontra s-sorpriża Kuba – iżda dan ma kellux ikun. L-Iżvediżi kienu 4-0 minn fuq sal-mistrieħ u żiedu erbgħa oħra fit-tieni taqsima. L-eroj tagħhom kien Gustav Wetterström, il-‘bumbardier ta’ Norrköping’ li skorja erbgħa.
Sfortunatament il-logħba ta’ wara bejn il-Brażil u ċ-Ċekoslovakkja baqgħet meqjusa bħala l-agħar waħda. Din intlagħbet f’Bordeaux u kienet ikkaratterizzata minn logħob goff ħafna u ġlied kbir bejn il-plejers. Il-bilanċ ta’ din il-logħba kien ta’ tliet tkeċċijiet u ħames plejers imweġġgħin li minnhom tnejn kellhom jittieħdu b’urġenza l-isptar bi ksur. Il-logħba ntemmet f’parità ta’ 1-1. Il-Brażil rebaħ ir-replay 2-1. Il-Brażil kienet fis-semifinali – iżda sa hemmhekk waslet! Quddiem 35,000 ruħ fil-Veledrome Stadium il-Brażil iltaqa’ kontra l-Italja f’logħba bilanċjata ħafna. Wara li l-ewwel taqsima spiċċat bla gowls, it-Taljani fetħu l-iskor kmieni minn Gino Colaussi. Ħames minuti wara, ir-referì Żvizzeru Hans Wuthrich ta penalti lit-Taljani wara li Piola twaqqa’ fil-kaxxa. Il-penalti mogħti minn Giuseppe Meazza kellu jidħol fil-kotba tal-istorja! Jingħad li hekk kif Meazza tbaxxa biex ipoġġi l-ballun f’postu, il-lakstu tal-qalziet iċċarrat, u Meazza spiċċa biex waqagħlu x-shorts! Il-Brażiljani, żewġ gowls minn taħt, għamlu reazzjoni u skorjaw permezz tal-attakkant Romeu, tliet minuti mit-tmiem, iżda t-Taljani rebħu l-logħba 2-1 u żammew it-tamiet tagħhom li jiddefendu t-titlu.
Is-semifinali l-oħra bejn l-Iżvezja u l-Ungerija bdiet b’gowl kmieni wara biss 35 sekonda ta’ Nyberg li poġġa l-Iżvediżi minn fuq. Iżda l-bqija tal-logħba kellha turi mod ieħor. Titkos u darbtejn Zsengellér, taw vantaġġ komdu lill-Ungerija sal-mistrieħ, biex Sárosi żied ieħor mas-siegħa logħob. Zsengellér għaqqad il-hat-trick personali b’gowl ieħor fis-77 minuta.
L-Iżvediżi, bil-moral baxx, iltaqgħu kontra l-Brażil f’logħba għat-tielet u r-raba’ post. Jonasson u Nyberg tawhom vantaġġ doppju f’Bordeaux iżda Romeu wieġeb għall-Brażil żewġ minuti qabel il-mistrieħ. Fit-tieni taqsima l-istorja kienet differenti. Il-Brażil skorjaw tlieta oħra mingħajr risposta u rebħu l-midalja tal-bronż.
Il-finali bejn l-Italja u l-Ungerija ntlagħbet fid-19 ta’ Ġunju fi Stade Olimpique de Colombes. Il-logħba kellha bidu spettakolari. Wara biss sitt minuti l-Italja marret gowl minn fuq b’xutt qawwi ta’ Colaussi li għeleb lil Szabó. L-Ungerija ma damitx ma ġabet l-iskor indaqs. Żewġ minuti wara, Titkos spara ballun fis-saqaf tax-xibka minn angolu diffiċli. Iżda t-Taljani skorjaw darbtejn oħra qabel il-mistrieħ. Fit-tieni taqsima t-Taljani ħarġu biex jiddefendu l-vantaġġ ta’ żewġ gowls li kellhom. L-Ungeriżi xeħtu kollox fuq l-attakk u rnexxielhom jiskorjaw permezz tal-captain Georgy Sárosi. Iżda Piola serraħ ras it-Taljani u skorja r-raba’ gowl u l-aħħar wieħed ta’ din il-kompetizzjoni li kellha tieqaf biex minflokha n-nazzjonijiet jiġġieldu fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Ir-Raba’ Edizzjoni – Brażil 1950
Wara d-devastazzjoni tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-FIFA ħasbet sabiex terġa’ tkompli bl-organizzar tat-Tazza tad-Dinja. Il-FIFA ma tantx kellha għażla għaliex il-Brażil kien l-uniku kandidat. Għal din l-edizzjoni, kellhom jagħmlu l-ewwel dehra tagħhom fil-kompetizzjoni mondjali l-Ingilterra. It-total ta’ nazzjonijiet li ħadu sehem fir-raba’ edizzjoni kien ta’ tlettax-il nazzjon biss, bit-timijiet jinqasmu f’erba’ gruppi.
Fl-ewwel logħba, il-Brażil għeleb lill-Messiku 4-0 mingħajr wisq sforz. Iżda fit-tieni logħba huma żelqu kontra l-Iżvizzera, li kienu tħajru mit-Taljani u addottaw sistema ta’ logħob difensiva immens b’kontrattakki veloċi li qabdu lill-Brażil darbtejn. Mill-istess Grupp A, il-Jugoslavja għelbet lill-Iżvizzera 3-0 b’żewġ gowls skorjati minn Tomašević. Huma wrew il-progress kbir li kien sar fil-logħba f’pajjiżhom, b’rebħa kbira kontra l-Messiku: 4-1 f’Pôrto Alegre. Fil-logħba deċiżiva għal min jirbaħ il-grupp il-Brażil għeleb lill-Jugoslavja 2-0.
Fi Grupp B, Spanja rebħu l-logħob kollu tagħhom. Fl-ewwel logħba għelbu lill-Istati Uniti 3-1. Din it-telfa lill-Istati Uniti xejn ma qatgħatilhom qalbhom, anzi! Il-kowċ Skoċċiż Bill Jeffrey kien kuntent li f’qasir żmien kien għaqqad tim kompetittiv, u dan urewh bis-sħiħ erbat ijiem wara f’Belo Horizonte, kontra l-Ingliżi, biex wettqu waħda mill-ikbar sorpriżi fit-Tazza tad-Dinja. L-Ingliżi kienu bdew tajjeb b’rebħa kontra ċ-Ċilì, fil-Maracanã. Iżda kontra l-Istati uniti l-Ingliżi ħasbu li rebħu l-logħba qabel ma lagħbuha u spiċċaw tilfuha 1-0 b’gowl ta’
Joe Gaetjens, li tar minn tulu u bir-ras għeleb lill-gowlkiper Williams.
Fi Grupp C l-Italja sabu għadma iebsa fl-Iżvezja. Verament, is-saħħa tat-Taljani kienet naqset mhux ftit bit-telfa tal-plejers ta’ Torino, li kienu mietu f’inċident tal-ajru. L-Iskandinavi ħarġu rebbieħa 3-2. Dan ir-riżultat kien ifisser li għall-Iżvediżi, il-parità ta’ 2-2 mal-Paragwaj f’Curtibi kien ikun biżżejjed biex jgħaddu għall-aħħar fażi.
Fi Grupp D, l-Urugwaj kien l-inqas tim li sab oppożizzjoni biex wasal sal-fażi finali. Dan għaliex il-grupp tagħhom kien kompost minn żewġ timijiet biss wara li kienu rtiraw Franza u t-Turkija. Huma għelbu lill-Bolivja 8-0.
L-aħħar fażi, kellha l-format ta’ lig. Id-dominanza tal-Brażil dehret ċara bl-ewwel vittmi tagħhom ikunu l-Iżvediżi wara li għelbuhom 7-1. Warajhom kien imiss l-Ispanjoli, li kienu ġejjin minn logħba diffiċli u bilanċjata kontra l-Urugwaj. Dakinhar f’São Paulo l-logħba intemmet fi draw ta’ 1-1. Il-Brażil ma sabux l-istess oppożizzjoni mill-Ispanjoli u għelbuhom 6-1, biex l-aħħar logħba tal-grupp, bejn il-Brażil u l-Urugwaj, kellha tkun deċiżiva għar-rebħ tat-titlu finali. Il-Brażil kellu punt vantaġġ u allura l-Urugwaj riedu jegħlbu lill-Brażil biex jiġu inkurunati ċampjins.

Dakinhar tas-16 ta’ Lulju 1950, l-attendenza fil-Maracanã kienet waħda rekord. Il-Brażiljani ħarġu fuq l-attakk sa mill-bidu tal-logħba, iżda l-Urugwaj kienu sodi ħafna fid-difiża u żammew lil Ademir u lil sħabu ’l bogħod. It-tliet plejers ta’ nofs il-grawnd Zizinho, Ademir u Jair kienu superjuri għal kollox, però sabu l-bravuri tal-gowlkiper Máspoli. Quddiem id-difiża Urugwajana kienu jispikkaw Andrade u Varela li kienu jtajru bla wisq ġentilezza kull ballun li jasal quddiemhom. Ħażin jew tajjeb, hekk għalqet l-ewwel taqsima bil-Brażiljani viżibbilment irrabjati u ffrustrati li ma rnexxilhomx jiskorjaw tal-inqas darba. Iżda dan ma tantx dam ma wasal. Żewġ minuti fit-tieni taqsima u l-Brażil irnexxielhom jegħlbu lil Máspoli. Fraiça għeleb lil Máspoli mill-viċin. Iżda l-Urugwajani ma qatgħu qalbhom qatt. L-isforzi tagħhom ġew ippremjati fis-66 minuta. Il-winger Urugwajan Ghiggia qabeż lill-plejer ta’ fuqu Bigode u xeħet kross perikoluż fil-kaxxa, li minnu Schiaffino xeħet fix-xibka. Il-Brażiljani nħasdu, u għalkemm komplew jattakkaw, dan bdew jagħmluh b’mod konfuż. Ghiggia kien qed ikun ta’ periklu kontinwu fuq ix-xellug u Bigode ma deherx li seta’ jżommu. Proprju minn hawn ġie l-gowl deċiżiv. Ħdax-il minuta mit-tmiem, Ghiggia reġa’ għadda mix-xellug, iżda flok ikkrossja, baqa’ dieħel fil-kaxxa u għadda l-ballun bejn il-gowlkiper Barbosa u sieq il-lasta. Dan il-gowl kessaħ lill-plejers Brażiljani u l-folla kbira preżenti. Fl-aħħar għaxar minuti l-plejers Brażiljani invadew il-kaxxa l-kbira tal-Urugwaj. Ippruvaw kemm setgħu sabiex jisfurzaw il-gowl tal-parità – li ma wasalx sas-suffara finali tar-referì Ingliż George Reader.


Din l-informazzjoni ttieħdet mill-ktieb bil-Malti – L-Istorja tat-Tazza tad-Dinja, miktub minn Ramon Zammit li bħalissa jinsab ghall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

More in Sports