“Ir-rebħ ta’ Arsenal jista’ jfisser bidu ġdid” – Arsene Wenger

Il-kowċ Arsene Wenger u plejers ta’ Arsenal jiċċelebraw wara r-rebħ
Il-kowċ Arsene Wenger u plejers ta’ Arsenal jiċċelebraw wara r-rebħ

Eżattament wara r-rebħ tal-FA Cup minn Arsenal wara li l-Gunenrs dawru telfa f’rebħa ta’ 3-2 kontra t-tim inferjuri ta’ Hull City, il-kowċ Franċiż ta’ Arsenal Arsene Wenger saħaq li dan ir-rebħ tat-tieni l-iktar unur importanti fl-Ingilterra wara r-rebħ tal-Kampjonat Barclays Permier jista’ jfisser bidu ġdid għal dan it-tim minn Londra. Tajjeb ngħidu li dan l-unur wasal wara nixfa ta’ xejn inqas minn 9 snin hekk kif lura fl-2005 Arsenal kinu rebħu l-FA Cup għall-ispejjeż tar-rivali kbar Manchester United wara l-għoti tal-penalties.
M’hemmx dubju li s-sorpriża pożittiva fil-bidu tal-istaġun fil-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra kienet Arsenal li għamlu numru ta’ xhur fil-quċċata tal-klassifika hekk kif approfittaw bis-sħiħ minn żelqiet ta’ timijiet rivali fosthom Chelsea, Manchester City u Manchester United. Però mbagħad Arsenal sofrew diversi telfiet uħud minnhom mhux mistennija biex temmew il-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra fir-raba’ post b’79 punt. Qabel ma beda l-istaġun, il-betting poġġa lil Manchester City u Chelsea favoriti iżda wara l-akkwist tal-plejer Ġermaniż, Mesut Ozil, ħafna kienu li bdew iħarsu differenti lejn il-Gunners. Jidher li issa spiċċa ż-żmien li Wenger kien kostrett li jgħaddi minnu u jbiegħ plejers stabbli li wieħed kien jarahom li t-tim sejjer jinbena madwarhom.
Wieħed jistaqsi: “X’kien hemm wara dawn il-manuvri ta’ telf ta’ plejers bħal Fabregas, Van Persie u oħrajn?” Meta wasal Arsene Wenger ġewwa Highbury huwa sab li biex tkisser id-dominju tal-kbar trid tiġġenera l-miljuni u bi grawnd li jesa’ 38,000 ruħ ma stajtx tikkompeti ma’ klabbs bħal Manchester United bi stadium li jesa’ 70,000 ruħ u żied miegħu l-introjtu mil-lat kummerċjali.
Biex ipatti għall-ispiża ta’ stadium ġdid li jesa’ 60,000 ruħ, Wenger kellu jgħaddi minn perjodu ta’ snin fejn beda jakkwista numru ta’ plejers żgħar li dawwarhom fi stilel u baqa’ kompetittiv matul dawn is-snin. Fl-ewwel snin tiegħu, il-kowċ Franċiż irnexxielu jirbaħ il-Kampjonat Premier Ingliż tliet darbiet, fosthom wieħed mingħajr telfa, l-FA Cup erba’ darbiet u ċ-Charity Shield erba’ darbiet, u kien biss 10 minuti ’l bogħod milli jirbaħ il-finali tal-UEFA Champions League, b’10 plejers kontra Barcelona. Kien kisser id-dominju ta’ Manchester United iżda fl-2003, ir-Russu Roman Abramovich,
li tajjeb ngħidu li huwa l-ħames l-aktar persuna sinjura fir-Russja xtara l-klabb ta’ Chelsea u minn hemm il-futbol Ingliż inbidel. Ftit snin wara tfaċċaw il-miljuni taż-żejt wara l-bibien ta’ Manchester City.
Iżda matul dawn is-snin, ‘il-Professur’, kif issejħu lil Wenger il-mezzi tax-xandir Ingliżi, żamm it-tim tiegħu kompetittiv u sena wara l-oħra rnexxielu jżomm lil Arsenal fil-UEFA Champions League, waqt li l-klabb bena stadium fi żmien ta’ inqas minn tliet snin li sewa 470 miljun lira sterlina, ċentru tat-taħriġ li sewa 30 miljun lira sterlina u żamm il-pagi tal-plejers fuq livell mal-klabbs il-kbar.
Issa jidher li ż-żmien li Wenger ibiegħ il-plejers kbar spiċċa u żgur li l-akkwisti mil-lum ’il quddiem sejrin ikunu ta’ livell bħalma kien l-aħħar akkwist ta’ Ozil.
Il-futur ta’ Arsenal jidher li huwa wieħed sabiħ u s-segwaċi tagħhom, żgur li għandhom lejn xiex iħarsu. Id-dejn fuq l-istadium spiċċa waqt li mil-lat kummerċjali, wara l-wasla tal-Kap Eżekuttiv Ivan Gazidis, il-klabb jinsab miexi ’l quddiem u l-kuntratti mal-isponsors sejrin jagħtu l-frott biex iżommu lill-Gunners fis-snin li ġejjin fil-quċċata mal-aqwa timijiet (l-elite) tal-Ewropa.

 

More in Sports