Meta l-Juventus kisru r-rekord tal-100 punt fis-Serie A

Plejers ta’ Juventus jiċċelebraw bil-kbir wara r-rebħ tat-tielet kampjonat konsekuttiv tas-Serie A
Plejers ta’ Juventus jiċċelebraw bil-kbir wara r-rebħ tat-tielet kampjonat konsekuttiv tas-Serie A

Nhar il-Ħadd li għadda Juventus kisru rekord impressjonanti meta sar l-ewwel tim li kiser il-100 punt fil-Kampjonat Serie A TIM biex b’hekk kiser rekord impressjonanti u nkuruna staġun mill-aqwa fejn kiseb xejn inqas minn 102 punti fi 38 logħba. Dan ir-rekord kien jinsab għand l-arci-rivali eterni ta’ Juventus, Inter li kienu kisbu 97 punt fl-istaġun 2006/07, fejn dak iż-żmien il-kowċ kien it-Taljan Roberto Mancini – illum kowċ tat-tim Tork Galatassary – ironikament l-istess tim li elimina lill-Juventus mill-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League iktar kmieni matul dan l-istaġun. Is-sigriet għal dan is-suċċess impressjonanti tal-Vecchia Signora kif inhuma iktar magħrufin Juventus kien bla dubju ta’ xejn il-kowċ bravu Antonio Conte li għamel minn kollox biex iżomm lit-tim ikkonċentrat fuq dak li kellu jkun l-objettiv prinċipali għal dan l-istaġun – ir-rebħ tat-tielet kampjonat konsekuttiv, suċċess li Juventus irnexxielhom jagħmluh l-aħħar mat-tmenin sena ilu.
Ir-rebħ tal-kampjonat kien l-objettiv prinċipali ta’ Juventus għal dan l-istaġun. Madankollu l-objettiv l-ieħor kien l-avvanz fil-UEFA Champions League, bil-għan li jinkiseb riżultat aħjar minn dak tal-aħħar staġun, fejn Juventus sfaw eliminati mill-holders Bayern Munich fil-kwarti tal-finali.
B’dispjaċir u b’diżappunt kbir għal partitarji Juventini, dan ma ġarax għal numru ta’ raġunijiet. Wara l-prestazzjonijiet pożittivi kontra Real Madrid, bosta ħasbu li Juventus se jikkwalifikaw għat-tieni rawnd. Iżda dan ma rriżultax. Mingħajr ma wieħed jidħol fil-kontroversja sħiħa li ċċirkondat il-logħba f’Istanbul kontra Galatasaray. Bosta partitarji Juventini saħqu li r-raġuni prinċipali ta’ dan il-falliment kien it-traskuraġni li wriet l-iskwadra Juventina kontra timijiet ta’ livell inferjuri. Tim tal-istatura tal-Juventus ma jistax iħalli d-diskors tal-kwalifikazzjoni għar-rawnd sussegwenti miftuħ sal-aħħar logħba. Il-konsegwenzi ta’ dan mhumiex ta’ min jinjorahom, speċjalment dawk finanzjarji iżda wkoll dawk relatati mar-ranking tat-timijiet Taljani fl-Ewropa. Barra minn hekk fi stadji iktar tardivi matul l-istaġun, Juventus sfaw eliminati mis-semi-finali tal-UEFA Europa League kontra t-tim Portugiż ta’ Benfica, għad-diżappunt kbir tal-partitarji tal-Juventus u anki tas-segwaċi tal-futbol Taljan inġenerali.
L-iskwadra preżenti li għandu Antonio Conte nbniet bil-għaqal fuq perjodu ta’ tlieta/erba’ snin, wara li Andrea Agnelli ħa l-amministrazzjoni tal-klabb f’idejh u nieda proġett ambizzjuż li fost oħrajn kien jinkludi l-bini u x-xiri ta’ stadium ġdid li jkun propjetà tal-klabb. Il-klabb ta’ Turin huwa l-ewwel klabb Taljan li huwa s-sid tal-propjetà fejn jilgħab nhar ta’ Ħadd. Il-Juventus Stadium irrikjeda investiment mhux żgħir, iżda llum dan qed jiġi ppremjat b’attendenzi ikbar tas-supporters li grazzi wkoll għall-vena pożittiva tat-tim, jimlew l-istadium kull ġimgħa.
Il-politika finanzjarja ta’ din l-amministrazzjoni kienet importanti biex illum Juventus qegħdin igawdu l-qawwa kalċistika li għandhom. Mhux faċli li wieħed jinvesti flusu f’aktar plejers ġodda wara żewġ staġuni diżastrużi (2009/10 u 2010/11) wara investimenti li jeċċedu l-€100 miljun. Madankollu, l-għaqal u l-bravura ta’ nies bħal Beppe Marotta, Fabio Paratici u Pavel Nedved sarrfu f’investimenti ffukati li attiraw lejn Turin plejers esperti bħal Andrea Pirlo u Carlos Tevez, kif ukoll plejers emerġenti bħal Arturo Vidal u Paul Pogba. Dan kollu mingħajr ma saru investimenti faraoniċi li l-klabb dejjem għaraf li ma jaffordjax jagħmel. Biżżejjed wieħed jagħraf li Pirlo, Pogba u l-attakkant Spanjol Fernando Llorente ġew akkwistati mingħajr ma ntefaq ċenteżmu.
Bosta jsostnu li l-iskwadra Juventina tal-lum hija waħda mill-aktar b’saħħithom li qatt eżistew fl-istorja ta’ dan il-klabb. Jekk jinżamm dan ir-ritmu, il-futur għal Conte u l-plejers għandu jkun wieħed sabiħ fejn minbarra bosta sodisfazzjonijiet personali u rekords ġodda miksuba, għandhom jagħtu lill-partitarji Juventini, li jsegwu din il-logħba daqshekk mill-viċin, mumenti mill-isbaħ.

 

More in Sports