it-tielet parti - L-Istorja tat-Tazza tad-Dinja

Il-poster uffiċjali tat-Tazza tad-Dinja li saret fl-Isvizzera lura fl-1954
Il-poster uffiċjali tat-Tazza tad-Dinja li saret fl-Isvizzera lura fl-1954

Il-Ħames Edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja – Svizzera 1954

Il-ħames edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja ħadet lid-dinja tal-futbol fl-Iżvizzera. Sa dawn iż-żminijiet, il-logħba tal-ballun kienet kisbet popolarità kbira u l-fama li tista’ tkun waħda b’riżultat imprevedibbli u li fiha jistgħu jinħolqu ħafna sorpriżi wkoll. U jekk dan kien seħħ fil-finali tal-edizzjoni ta’ qabel, f’din l-edizzjoni ma kienx se jkun inqas!
Id-deċiżjoni li l-edizzjoni li kien imiss issir fl-Iżvizzera kienet ittieħdet fl-ewwel kungress tal-FIFA wara l-gwerra, fl-1945. Dan ta ħafna ċans lill-organizzaturi biex jaħdmu ħalli jorganizzaw dan il-logħob bl-aħjar mod possibbli. Fil-fatt, inbnew ħafna stejdjums ġodda fid-9 snin li kien għad fadal.
It-timijiet li għaddew għall-finali tal-kompetizzjoni kellhom bħas-soltu jitqassmu fi gruppi ta’ erbgħa. Li ma kienx tas-soltu kien li tnejn mill-erba’ timijiet kellhom ikunu magħżula (seeded), u filwaqt li jilagħbu kontra ż-żewġ timijiet l-oħrajn tal-grupp, ma jilagħbux kontra xulxin! Dan wassal biex inevitabbilment, xi timijiet spiċċaw b’punti ndaqs fil-grupp tagħhom. Il-FIFA kienet diġà ħasbet fil-ħin barrani, li kellu jidħol għall-ewwel darba f’din l-edizzjoni. Iddeċidiet (deċiżjoni oħra żbaljata) li għat-timijiet li jispiċċaw indaqs fl-ewwel żewġ postijiet, titella’ x-xorti, filwaqt li jekk ikunu fit-tieni u t-tielet post, it-timijiet jilagħbu logħba oħra bejniethom! Dan seħħ fil-gruppi kollha!
Fi Grupp A, il-Brażil u Franza kienu seeded iżda fl-ewwel logħba tagħhom tilfu kontra l-Jugoslavja b’gowl ta’ Milutinović wara 15-il minuta. Min-naħa tagħhom il-Brażiljani ma sabu l-ebda diffikultà kontra l-Messiku. B’gowls ta’ Baltazar (fit-23 minuta), Didi (fid-29 minuta), u żewġ gowls ta’ Pinga (fl-34 u fit-42 minuta), il-Brażil kienu 4-0 sal-mistrieħ. Julinho żied ieħor fis-60 minuta. Tlett ijiem wara, il-Brażil u l-Jugoslavja ltaqgħu f’La Pontaise quddiem 21,000 spettatur, f’waħda mill-ifjen logħbiet tal-ewwel fażi. Kienu l-Jugoslavi li skorjaw l-ewwel permezz ta’ Branko Zebec li bix-xellug għeleb lil Castilho. Fit-tieni taqsima l-Brażiljan Didi, għamel l-iskor indaqs b’xutt mill-isbaħ fuq id-dawra. Dan id-draw kien ifisser li Franza tiġi eliminata, minkejja li għelbet lill-Messiku 3-2 f’Ġinevra.
Fi Grupp B telgħu biex jilagħbu l-favoriti Ungerija, li flimkien mat-Turkija, kienu seeded. L-Ungerija dak iż-żmien kienet immexxija minn plejers ta’ fama mondjali bħal Puskás, Bozsik, Kocsis u Hidegkuti, u kienu għadhom kif rebħu l-Olimpjadi sentejn qabel. Bdew billi skorjaw 17-il gowl fl-ewwel żewġ logħbiet – rebħa ta’ 9-0 kontra l-Korea t’Isfel u rebħa ta’ 8-3 kontra l-Ġermanja tal-Punent. Il-Ġermaniżi, taħt it-tmexxija ta’ Sepp Herberger, rebħu l-ewwel logħba tagħhom kontra t-Turkija 4-1. Peress illi t-Torok kienu seeded, allura l-Ġermaniżi kienu jafu li kellhom saqajhom fit-tieni fażi, u allura bidlu xejn inqas minn seba’ plejers kontra l-Ungerija. Fatt li seta’ inganna lill-Ungerija dwar is-saħħa vera tal-Ġermaniżi. B’hekk, inevitabbilment, it-Turkija u l-Ġermanja spiċċaw indaqs fil-punti biex kellha tintlagħab partita deċiżiva bejniethom. Bis-seba’ plejers regolari lura fit-tim, il-Ġermaniżi ddominaw lill-avversarji tagħhom u rebħu 7-2.
Grupp C kien deher aktar faċli. L-Urugwaj u l-Awstrija kienu ż-żewġ timijiet seeded, u rebħu l-logħob tal-grupp tagħhom mingħajr ma sofrew gowl, biex it-tnejn għaddew għall-fażi li jmiss.
Fi Grupp D l-Ingilterra u l-Italja kienu seeded u allura ma lagħbux kontra xulxin. L-Ingilterra bdiet l-avventura tagħha bi draw spettakolari ta’ 4-4 kontra l-Belġju. Fit-tieni logħba l-Ingliżi rnexxielhom jirbħu 2-0 kontra l-Iżvizzera, biex għaddew mill-grupp. Min-naħa tagħhom it-Taljani kellhom bidu ħażin ferm, meta tilfu kontra l-Iżvizzera, għalkemm, ironikament, kienu aħjar mill-avversarji tagħhom! Iżda fit-tieni logħba t-Taljani pattew xi ftit. Huma għamlu xi bidliet tattiċi u rnexxielhom jirbħu lill-Belġju 4-1. Dan wassal biex l-Iżvizzera u l-Italja ġabu punti ndaqs u kellha tintlagħab logħba deċiżiva bejniethom li l-Iżvizzeri rebħu 4-1.
Il-logħob tal-Kwarti tal-Finali beda bil-kbir. L-ewwel logħba pproduċiet tnax-il gowl. L-Awstrija għelbet lill-Iżvizzera 7-5 f’waħda mill-isbaħ logħbiet. Fit-tieni logħba l-Urugwaj rebaħ lill-Ingilterra 4-2, f’logħba missielta ħafna. Għalkemm kienu bosta plejers li weġġgħu f’din il-logħba, din intlagħbet fi spirtu sportiv u kienet waħda li baqgħet tissemma. L-Ingliżi sfaw eliminati minkejja li kellhom lil Stanley Matthews f’forma brillanti.
L-għada, il-Ġermanja tal-Punent wettqet l-ewwel sorpriża tagħha meta għelbet lill-Jugoslavja 2-0 b’owngoal ta’ Ivan Horvat u Helmut Rahn
Ir-raba’ logħba, dik tal-Ħadd 27 ta’ Ġunju, baqgħet tissemma għal ħafna snin. L-Ungerija spiċċat għelbet u eliminat lill-Brażil f’logħba mill-isbaħ, li però ġiet imtappna minn ġlied kbir waqt il-logħba, u saħansitra wara s-suffara finali tar-referì Ingliż Arthur Ellis.
Is-Semifinali laqqgħet tliet timijiet li kienu qed juru logħob sabiħ u effettiv, flimkien mas-sorpriża Ġermanja tal-Punent li issa kien imisshom iħabbtuha mal-qawwa tal-Awstrija li għaddew l-ewwel għoxrin minuta jqassmu u jdawru l-ballun bil-Ġermaniżi jistudjawhom. Iżda wara nofs siegħa logħob il-Ġermaniżi skorjaw. Pass ta’ Max Morlock lejn Fritz Walter, li xeħet lejn Hans Schäfer li għeleb lil Zeman. Wara tliet minuti, Max Morlock għamilhom 2-0, u għalkemm il-gowlkiper Ġermaniż reġa’ daħħal lill-Awstrijaċi fil-logħba, meta waqqa’ l-ballun bi Probst japprofitta ruhu, il-Ġermaniżi malajr reġgħu ħadu r-riedni tal-logħba. It-tielet gowl ġie ftit minuti wara meta r-referì Taljan Vincenzo Orlandini ta żewġ penaltis lill-Ġermaniżi fil-54 u fil-65 minuta, li minnhom Fritz Walter ma żbaljax. Il-Ġermaniżi baqgħu jżidu fil-logħob u sat-tmiem skorjaw darbtejn oħra; din id-darba kien ħu Fritz, Ottmar Walter, li għeleb lil Zeman darbtejn bir-ras.
Fit-tieni Semifinali, il-favoriti Ungerija ltaqgħu mal-Urugwaj f’waħda mil-logħbiet klassiċi tat-Tazza tad-Dinja.
L-Ungerija fetħu tajjeb u ddominaw l-ewwel taqsima, għalkemm is-Sud Amerikani dehru eħfef u aktar determinati. Madankollu, kienu l-Ungerija li skorjaw permezz ta’ Czibor li għeleb lil Máspoli wara li rċieva pass bir-ras mingħand Hidegkuti. Nofs siegħa wara, Hidegkuti stess għamilhom 2-0.
 
Il-qawwa tal-moral u t-teknika fina tal-Urugwaj mhux biss żammet lis-Sud Amerikani fil-logħba iżda għamlu reazzjoni qawwija mal-ftuħ tat-tieni taqsima, u litteralment iddominaw lill-avversarji tagħhom li sa dak il-ħin dehru superjuri. Schiaffino kien qisu surmast f’nofs il-grawnd, iqassam u jiddetta l-logħob, megħjun minn Juan Eduardo Hohberg, li proprjament kien Arġentin. Iżda finalment l-Urugwaj skorjaw ħmistax-il minuta mit-tmiem meta Hohberg għeleb lil Grosics wara pass ta’ Juan Schiaffino. Dan il-gowl ta aktar enerġija lill-Urugwaj li wettqu r-rimonta tagħhom b’gowl ieħor ta’ Hohberg fl-aħħar tliet minuti tal-logħba.
Hawnhekk ir-referì Mervyn Griffiths ħtieġlu jagħti l-ħin barrani. L-Urugwaj bdew eżatt kif kienu spiċċaw it-tieni taqsima tal-ħin regolamentari b’Schiaffino u Hohberg jagħmlu li jridu. Fil-111-il minuta, meta l-Urugwaj kien bi plejer inqas minħabba li kien weġġa’ Andrade wara daħla ma’ avversarju, l-Ungerija marret minn fuq b’gowl ta’ Kocsis li reġa’ għeleb lil Máspoli bir-ras għal rebħa memorabbli.
L-Urugwaj spiċċa ħa t-tieni telfa tiegħu fit-Tazza tad-Dinja wara tlett ijiem, fil-logħba tat-tielet u r-raba’ post kontra l-Awstrija. Il-logħba ntlagħbet quddiem 31,000 spettatur u rat lill-Awstrijaċi jirbħu 3-1 wara taqsima li ntemmet fi draw ta’ 1-1.
Il-Ġermanja tal-Punent u l-favoriti netti l-Ungerija ltaqgħu nhar il-Ħadd 4 ta’ Lulju 1954 fil-Wankdorf Stadion, f’Berna. Il-grawnd kien maħnuq b’folla ta’ madwar 60,000 ruħ taħt xita qliel li ma qatgħet xejn. L-Ungerija kellhom lura lil Ferenc Puskás. Ħafna kienu qed ibassru rebħa oħra kbira għall-Ungerija iżda l-Ġermaniżi kienu ta’ fehma oħra. Barra minn dan, il-kowċ Sepp Herberger kien abbli ħafna biex jistimula u jimmotiva ’l-plejers tiegħu. Il-Ġermaniżi kienu jafu li kulma jmorru kienu qed jitjiebu. Herberger żamm l-istess ħdax li bdew kontra l-Awstrija, b’Posipal quddiem il-linja tad-difensuri u b’Liebrich difensur ċentrali warajh.
L-Ungerija bdiet kif kien mistenni u kif kien issa tipiku tagħhom. Ħadu r-riedni tal-logħba f’idejhom u assedjaw lill-Ġermaniżi tant li wara biss 8 minuti kienu 2-0 minn fuq. L-ewwel gowl ġie Puskás, li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Turek. Żewġ minuti wara, Czibor għamilhom 2-0 wara li approfitta ruħu minn tqassim ħażin bejn il-gowlkiper Turek u d-difensur Werner Kohlmeyer. Hawnhekk, ħafna kienu tal-fehma li d-dinja sportiva kellha tassisti għal replika tal-logħba tal-ewwel rawnd li fiha l-Ungerija kienet iddominat. Iżda r-reazzjoni tal-Ġermaniżi kienet immedjata. Żewġ minuti wara, azzjoni b’saħħitha u veloċi ta’ Hans Schäfer minn fuq il-linja wittiet it-triq għall-gowl Ġermaniż. Kross perfett minn saqajn Schäfer lejn Morlock li daħal bħal vleġġa u mattar siequ biex għeleb lil Grosics.
Fit-18-il minuta, wara tliet korners konsekuttivi, il-Ġermaniżi reġgħu skorjaw biex għamlu l-iskor indaqs. Fritz Walter dawwar korner insidjuż lejn it-tieni lasta li qabeż sew lil ħuh Ottmar u lill-gowlkiper Grosics, biex niżel f’saqajn Helmut Rahn li spara fix-xibka. Kien xokk qawwi għal kulħadd iżda sitt minuti mit-tmiem ġara dak li ftit stennew. Hans Schäfer seraq ballun lil Lantos fi tliet kwarti grawnd u tefa’ kross li spiċċa n-naħa l-oħra għand Helmut Rahn. L-attakkant twil Ġermaniż ikkontrolla tajjeb u deher jaħsibha ftit qabel fajjar fil-baxx minn taħt Grosics.
Kien tmiem drammatiku għal din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, u tmiem il-mixja ta’ erba’ snin u 30 logħba mingħajr telfa għall-Ungeriżi. Taħt xita qawwija, il-President anzjan tal-FIFA Jules Rimet ippreżenta t-trofew lil Fritz Walter.
 

Din l-informazzjoni ttieħdet mill-ktieb bil-Malti – L-Istorja tat-Tazza tad-Dinja, miktub minn Ramon Zammit li bħalissa jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

 

More in Sports