Kriżi fil-futbol Taljan

Partitarji Taljani mbikkma - simbolu tak-kriżi li qed jaffronta l-futbol Taljan bħalissa
Partitarji Taljani mbikkma - simbolu tak-kriżi li qed jaffronta l-futbol Taljan bħalissa

Ir-ranking tat-timijiet Taljani fil-kompetizzjonijiet Ewropej ilu sejjer lura numru ta’ snin u dan jirrifletti l-problemi li għaddej minnhom il-futbol fl-Italja. Biżżejjed naraw l-andament tat-timijiet Taljani fl-Ewropa u fejn fis-snin l-imgħoddija dawn kienu jaslu sal-fażijiet finali ta’ kull kompetizzjoni Ewropea fosthom il-UEFA Champions League, issa bil-kemm qed jirnexxielhom jgħaddu minn rawnd għall-ieħor. Hekk pereżempju matul dan l-istaġun kienu biss AC Milan li bi tqanżiħ irnexxielhom jgħaddu għal mal-aħħar 16 fil-UEFA Champions League waqt li sorprendentament timijiet ta’ ċertu kalibru u storja bħalma huma Juventus u Napaoli sfaw eliminati saħansitra fl-ewwel rawnd ta’ din il-kompetizzjoni ferm prestiġjuża. Biex tkompli żżid Juventus sfaw eliminati mis-semi-finali tal-UEFA Europa League kontra t-tim Portugiż inferjuri għalihom, Benfica.
Jekk wieħed isegwi mill-viċin il-kampjonat Ingliż jista’ faċilment josserva d-differenza enormi fil-mentalità u fil-finanzjament tal-klabbs, mhux biss dawk kbar ta’ statura mondjali bħal Chelsea u Arsenal, iżda wkoll dawk iżgħar bħal Fulham. Id-differenzi huma kbar, u jekk fl-Italja mhux se jseħħu riformi radikali, ma jidhirx li hemm tama li nerġgħu naraw is-Serie A kif kienet fis-snin 90. Riżultat ta’ din il-kriżi fis-sistema tidher b’mod mill-aktar skjett meta tara plejers ta’ fama internazzjonali fosthom Ibrahimovic, Thiago, Silva, Cavani u oħrajn jerħulha lejn pajjiżi bħall-Ingilterra, Spanja, il-Ġermanja u saħansitra Franza biex isibu fortuna aħjar hemmhekk.
Il-kriżi fil-futbol Taljan hija riflessa wkoll fl-istadia fl-Italja li kulma jmur dejjem qed jiżvujtaw mill-partitarji. Fattur għal dan jista’ jkun l-inkwiet ekonomiku li kkaratterizza lil dan il-pajjiż f’dawn l-aħħar snin. Iżda mhux biss. Wieħed isaqsi jekk il-problema kbira tal-korruzzjoni li bil-mod il-mod qed tifni l-futbol mondjali hux qed tnaqqas mill-kredibbilità tal-futbol inġenerali. U anki l-fatt li ħafna logħob jiġu mxandra b’mod dirett fuq it-televixin jista’ jkun li mhux qed iħeġġeġ daqstant lin-nies biex iħallu djarhom u jsegwu l-logħob fl-istadia. Però jekk nieħdu l-eżempju ta’ pajjiżna jidher li hekk kif il-loghob bdew ikunu mxandra fuq it-televixin b’mod dirett ftit tas-snin ilu, dan m’affettwax fin-negattiv lill-attendenza tal-futbol Malti.
Nerġgħu mmorru għall-pajjiż ġar tal-Italja fejn bosta stadia huma antiki b’ħafna minnhom fosthom l-iStadio Olimpico ta’ Ruma nbnew apposta għat-Tazza tad-Dinja tal-1990 jiġifieri xejn inqas minn 24 sena ilu. Fl-aħħar 19–il sena fl-Italja nbnew biss tliet stadia ġodda – b’dawn ikunu l-iStadio Giglio fir-Reggio Emiglia fl-1995, Stadio San Filippo f’Messina fi Sqallija fl-2004 u l-Juventus Stadium f’Settembru 2011. Dan b’kuntrast ma’ pajjiżi kbar bħal mhuma l-Ġermanja u Spanja fejn fil-Ġermanja, mill-1990 ’l hawn infetħu 12-il grawnd ġdid b’erbgħa minnhom fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2006, waqt li fi Spanja f’dawn l-aħħar għaxar snin infetħu għaxar grawnds ġodda.
Għall-fini ta’ statistika, fl-Italja l-attendenza totali tul il-kampjonat kollu tkun ta’ madwar 9,483,660, fil-Ġermanja tlaħħaq it-12,790,000, waqt li fl-Ingilterra kien hemm snin meta l-attendenza totali matul is-sena, ġieli telgħet sa 13,527,703.

 

More in Sports