Il-PN jisħaq dwar l-importanza li jiżdiedu l-infermiera speċjalizzati fid-dijabete

Jappella wkoll biex il-Gvern jipprovdi magni ta' kwalità lill-pazjenti bid-dijabete biex jiċċekjaw il-livell taz-zokkor fid-demm

Yendrick Cioffi / 15 ta' Mejju 2019 11:22
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jappella lill-Gvern biex jimpjega u jħarreġ aktar infermiera speċjalizzati fuq id-dijabete biex ikun jistgħu joffru aktar partiti lill-persuni dijabetiċi.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mid-Deputat Mario Galea u mill-Kandidati Francis Zammit Dimech u Micheal Mercieca, il-Partit Nazzjonalista nieda sett ta’ proposti biex jindirizzaw ir-rata tad-dijabete f’Malta u jagħmlu l-ħajja tal-persuni dijabetiċi aħjar.

Fost oħrajn, il-kelliem tal-Oppożizzjoni Mario Galea spjega l-importanza li jkun hawn infermiera speċjalizzati fuq id-dijabete bil-għan li jkunu aċċessibbli għall-pazjenti mingħajr ħafna formalità.

Spjega kif dawn l-infermiera huma importanti għax apparti kura joffru wkoll pariti u jgħallmu lill-pazjenti dijabetiċi dwar kif għandhom jieħdu ħsieb tagħhom infushom, jieħdu mediċini kif suppost, jifhmu aħjar dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin għalihom u anke jikkuraw feriti li jista’ jkollhom.

'Il-Gvern għandu jipprovdi l-aqwa magni lill-persuni dijabetiċi'

Min-naħa tieħu, il-kandidat Francis Zammit Dimech tkellem dwar il-magni li qiegħed iqassam il-Gvern lid-dijabetiċi kollha biex ikunu jistgħu jiċċekjaw il-livell taz-zokkor fid-demm.

Filwaqt li faħħar din l-inizjattiva appella biex il-magni mqassma jkunu tajba u ta’ kwalità u dan wara li l-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi spiżjara u pazjenti li qed jilmentaw minn dawn il-magni.

Zammit Dimech qal li kellmuh diversi pazjenti li kkonfermaw miegħu dak irrappurtat, jiġifieri li l-magni mhux qed jaħdmu kif suppost u ġieli jimmarkaw iz-zokkor aktar għoli milli kif fil-verita jkun.

“Tajjeb li jkollok magni taz-zokkor lil kulħadd imma rridu nipprovdu dak li hu l-aħjar,” saħaq Zammit Dimech. “Jekk ma nagħtux l-aħjar inkunu qed nonqsu lill-pazjenti.

Tal-istess opinjoni kien id-Deputat Mario Galea li appella lill-Gvern biex iqassam il-Continuous Glucose Monitors kif wiegħed lit-tfal, mhux biss biex ma jkollhomx bżonn jitniggżu l-ħin kollu imma anke jkollhom stampa aħjar tat-tendenzi tal-livell taz-zokkor tagħhom u jkunu jistgħu passi aħjar.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi wkoll li jiżdied l-għarfien dwar id-dijabete biex jiżdied ukol l-iscreening ta’ testijiet tad-demm.

Qed jipproponi wkoll li jkun hemm reġistru estensiv li fih ikunu mniżżla d-dijabetiċi kollha bil-għan li d-deċiżjonijiet jittieħdu aħjar u jkun hemm skambji aħjar fuq livell Ewropew

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti