Il-Qorti: Hemm suspett 'b'saħħtu' li dawk illi qatlu lil Daphne għadhom ma nqabdux kollha

L-aħwa Degiorgio jerġgħu ma jingħatawx il-ħelsien mill-arrest ... Il-Qorti tfgħid li l-investigazzjoni għadha attiva

Albert Gauci Cunningham / 15 ta' Mejju 2019 11:18
Żewġt irġiel mit-tlieta akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia għal darb'oħra kienu miċħudin il-ħelsien mill-arrest f'sejre ta' applikazzjonijet li fil-fatt ressqu biex jingħataw il-ħelsien sakemm tinqata' l-kawża kontrihom 

L-avukat tal-aħwa Degiorgio, William Cuschieri qal illi il-kumpliazzjoni tal-evidenza issa waslet fi stadju avvanzat u l-maġġoranza tax-xhieda fil-fatt xehdu fil-każ, illi fih qed ikunu akkużati, flimkien ma' Vince Muscat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Cuschieri qal illi minħabba f'hekk ma jara ebda raġuni biex id-detenzjoni tagħhom qabel is-smigħ ikun mtawwal. 

L-Avukat Ġenerali, rrapreżentat mill-Assistent tiegħu Philip Galea, qal illi l-gravità tal-att kriminali huwa fattur sinjifikanti u li l-inkjesta fil-qtil tal-ġurnalista għadha għaddejja u għadha qed titratta lil dawk li setgħu kienu involuti fil-kummissjoni tal-att kriminali. 

Il-Qorti osservat li l-fatti tal-każ huma iktar wiesa' mill-proċeduri u li hemm suspett mhux ikkontestat u b'saħħtu, li l-kriminali involuti fil-qtil tal-ġurnalista għadhom ma kienux kollha interċettati.

Din l-investigazzjoni għadha għaddejja u dan ifisser illi hemm riskju reali illi b'ħelsien mill-arrest tkun preġudikata l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-Qorti iddeċidiet illi ħelsien mill-arrest lill-ħwa Degiogio "tiddisturba l-ordni pubblika"

It-talba għal ħelsien mill-arrest, għalhekk, kienet miċħuda.

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.