Madwar 67,000 vot għall-elezzjoni tal-PE ma kinux inġabru sal-bieraħ

Mill-informazzjoni li għandu dan is-sit jirriżulta li qed jinġabru medja ta' 4,000 vot kuljum mill-għases ...

Yendrick Cioffi / 15 ta' Mejju 2019 19:54
Dan is-sit jista’ jikkonferma li madwar 67,000 vot għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ma kinux għadhom ma nġabru sal-bieraħ. Dan l-ammont jinkludi fih ukoll voti ta' dawk il-barranin li għandhom vot.

Sa nhar il-Ġimgħa li għadda, meta l-voti bdew jitqassmu mill-għases tal-Pulizija, kienu għadhom ma nġabrux 78,000 vot.

Dan ifisser li f’ħamest ijiem inġabru madwar 11,000 vot mill-għases tal-Pulizija.

Minn informazzjoni li għandu f’idu s-sit illum.com.mt jirriżulta li mill-għases qed jinġabru medja ta’ madwar 4,000 kuljum, ħlief nhar il-Ħadd li għadda meta nġabru madwar 1,000 vot.

X'għandek tagħmel jekk għadek ma ġbartx il-vot?

Intant, il-voti jibqgħu jitqassmu mill-għases sa nhar il-Ħadd 19 ta’ Mejju.

Sa nhar il-Ġimgħa, il-voti jitqassmu bejn it-8.00 am u s-1.00 pm.

Is-Sibt 18 ta’ Mejju jitqassmu bejn it-8.00 am u l-10.00 pm u l-Ħadd bejn it-8.00 am u s-1.00 pm.

Għar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar, id-dokumenti qed jinġabru mill-Għassa tal-Qawra.

F’Wied il-Għajn d-dokumenti jinġabru mill-iskola Primarja tal-Gvern, San Ġwakkin. 

Fil-lokalitajiet ta’ Bormla, Il-Fontana, L-Għasri, L-Iklin, Ħal Lija, Marsaxlokk, Pembroke u Ta’ Xbiex, id-dokumenti jinġabru mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali fl-istess ġranet u ħinijiet. 

Kull persuna trid turi l-Karta tal-Identita’ jew il-Karta tar-Residenza.  L-ebda dokument ieħor ma jista’ jkun aċċettat.

Kull votant għandu jkun żgur li jkollu d-dokumenti għall-votazzjoni għax mingħajrhom ħadd ma jkun jista’ jivvota.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti