'Il-Gvern għandu jkompli jżid is-sussidju li jagħti lill-artisti Maltin u Għawdxin'

Alfred Sant qal dan waqt laqgħa ma' artisti Maltin li matulha appellalhom biex isibu aktar spazju biex il-kreazzjonijiet tagħhom isiru magħrufa ajar fl-Ewropea

Yendrick Cioffi / 15 ta' Mejju 2019 09:58
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew u l-kandidat Alfred Sant jaqbel li l-arti bħall-mużika, id-drama u dawk magħrufa bħala performing arts, ikunu ssusidjati aktar.

Sant qal dan waqt laqgħa li kellu ma’ artisti minn oqsman differenti fit-Teatru Manoel.

Tul l-intervent tiegħu, Sant saħaq li t-talent Malti huwa kbur u appella lill-artisti Maltin u Għawdxin biex jippruvaw isibu aktar spazju biex il-kreazzjonijiet tagħhom isiru magħrufa aħjar fl-Ewropea

Kien hawn li saħaq li l-Gvern għandu jkompli jżid is-sussidju li jagħti lill-artisti Maltin u Għawdxin.

“Minn dak li ntqal fid-diskussjoni, jidher li minkejja l-progress kbir li sar matul is-snin, fil-qasam artistiku u kulturali jeħtieġ aktar taħriġ strutturat li jsaħħaħ is-sens ta’ dixxiplina u ambizzjoni professjonali fost l-artisti tagħna,” saħaq Sant. “Sar ħafna li hu tajjeb u ta riżultati mill-aqwa biex l-artisti Maltin isibu fejn jimirħu bil-kreattività tagħhom kemm f’Malta, kemm barra. Irridu nkomplu nsaħħu dal-binarju ta’ ħidma.”

Spjega kif fondi Ewropej jistgħu jintużaw biex ikattru skambji bejn artisti u studjużi żgħażagħ minn pajjiżi differenti. 

Fost oħrajn, semma proġett ġdid tal-Kummissjoni varat f’April li għadda, i-Portunus, li permezz tiegħu artisti Maltin jistgħu japplikaw biex ikunu jistgħu jqattgħu sa tliet xhur f’pajjiż Ewropew ħalli jġeddu l-esperjenza artistika tagħhom.

 “Waħda mill-isbaħ esperjenzi tiegħi fi Brussell fl-aħħar ħames snin kienet meta l-uffiċċju tiegħi tella’ wirja ta’ artisti Għawdxin fil-Parlament Ewropew,” insista Sant.

Tkellem ukoll dwar il-ħtiega ta’ sala nazzjonali għall-kunċerti, liema sala tkun tista’ tintuża għal diversi skopijiet, inkella tispiċċa ma tintużax għal parti kbira tas-sena.

Ġew diskussi għadd ta’ temi fosthom il-copyright directive Ewropea biex tipproteġi d-drittijiet tal-artisti fid-dinja diġitali, is-sehem tal-kompożituri Maltin fil-Eurovision, manutenzjoni f’teatri madwar Malta u Għawdex, il-proġett ta’ re-climatisation fit-Teatru Manoel.

Issemmiet l-idea li l-UE missha tikkrea l-idea ta’ kif is-settur kulturali ta’ pajjiż jesponi l-arti u l-mużika ta’ pajjiżi oħra biex b’hekk l-artisti jkunu konxji tax-xogħol li qed jagħmlu sħabhom.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti