'Hawn pazjenti li l-karta tal-identità tagħhom qalbuha fuq Monte Carmeli'

Il-Partit Nazzjonalista jitkellem dwar il-bżonn ta' aktar prevenzjoni u kura fil-komunità għall-persuni bi problemi ta' saħħa mentali

Yendrick Cioffi / 13 ta' Mejju 2019 12:09
“Jiena nbati bid-dippressjoni u l-ansjetà. Jiena wkoll nieħu l-kura. Ngħidha pubblikament apposta biex nisfida l-istigma u biex aktar persuni jitħajru jieħu l-kura." Dan qalu d-Deputat Nazzjonalista Mario Galea waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-proposti tal-Oppożizzjoni għall-kura tas-saħħa mentali li huma parti mill-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li ġej.

Waqt il-konferenza, Galea tkellem dwar l-importanza tal-prevenzjoni u dwar l-importanza li titkisser l-istigma marbuta mad-dipressjoni u problemi oħra ta’ saħħa mentali.

Għalhekk tkellem dwar l-importanza ta’ aktar djar fil-komunità, fejn persuni li jkunu jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali, ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti iżda jsibu l-għajnuna kull meta jkollhom bżonn.

"Dawn is-sitt snin, il-Gvern ħlihom," saħaq Galea waqt li insista li ma nfetħitx klinika waħda fil-komunità għall-kura tas-saħħa mentali kif kien qed jagħmel Gvern Nazzjonalista.

'Nibnu unit f'Mater Dei għat-tfal u l-addoloxxenti bi problemi mentali'

Kien hawn li semma li f’Malta hawn pazjenti tas-saħħa mentali li l-isptar Monte Carmeli sar qisu d-dar tagħhom għax ma għandhomx aktar fejn imorru tant li anke l-karta tal-identità qalbuha fuq dan l-isptar, li miegħu l-istigma għadha marbuta.

Fil-fatt tkellem dwar proposta oħra li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li fl-Isptar Mater Dei jiżdiedu s-sodod għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali fejn jinbena wkoll dipartiment apposta għat-tfal u l-addoloxxenti.

L-għan huwa li persuni bi problemi ta’ saħħa mentali ma jibqgħux jiġu maqtugħa mill-kumplament tas-soċjetà, xi ħaġa li fi kliemu, ma tantx tgħin biex tinqata’ l-istigma.

"Din hija t-triq 'il quddiem," kompla jisħaq id-Deputat.

'Bżonn ta' aktar professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali'

Appella wkoll lill-Gvern biex jimpjega aktar professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-saħħa mentali.

Kwota statistiċi tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa li juru kif 30% biss tal-persuni li jbatu mid-dipressjoni jieħdu kura adegwata u li l-istess għaqda qed tbassar kif fis-sentejn li ġejjin se jkun hawn “pandemija ta’ saħħa mentali.”

Kien għalhekk, li Mario Galea appella lill-Gvern biex jilqa’ għal din il-pandemija billi jżid ir-riżorsi umani li jaħdmu ma’ persuni bis-saħħa mentali.

“Aktar żieda fil-popolazzjoni tfisser aktar pressjoni fuq is-settur tas-saħħa,” insista Galea waqt li fakkar ukoll li diversi immigranti li jaħarbu minn pajjiżhom jagħmlu dan minħabba persekuzzjoni u gwerer u ħafna drabi jkollhom bżonn l-għajnuna biex anke huma jegħlbu t-trawma li jkunu għaddew minnha.

Ikkritika lill-Gvern għax fi kliemu, fl-aħħar sitt, ftit li xejn għamel biex joħloq strateġija għas-saħħa mentali u anke biex itejjeb is-sitwazzjoni fl-isptar Monte Carmeli.

"Għandna Gvern li għandu flus għall-bażużlli iżda mhux għall-pazjenti ta’ Monte Carmeli"
“Għandna Gvern li għandu flus għall-bażużlli iżda mhux għall-pazjenti ta’ Monte Carmeli,” kompla Galea.

'Irridu nitkellmu b’mod aktar ċar fuq is-suwiċidju'

Tkellem ukoll dwar is-suwiċidju u kompla jikkwota statistiċi internazzjonali li juru kif kull 40 sekonda, persuna twettaq suwiċidju, filwaqt li fl-istess ħin ikun hemm 20 persuna oħra li jippruvaw jagħmlu suwiċidju u ma jirnexxilhomx.

“Irridu nitkellmu b’mod aktar ċar fuq is-suwiċidju,” qal Galea waqt li insista li f’Malta s-suwiċidju qed jiżdied, anke fost it-tfal u l-addoloxxenti.

Filwaqt li insista li l-prevenzjoni hija importanti, tkellem dwar l-importanza ta’ screening fl-iskellek u anke fost iż-żgħażagħ.

Matul il-konferenza tkellem ukoll id-Deputat u l-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Stellini li wkoll għamel referenza għall-kura li kellu bżonn hu meta kien għadu żġħir.

Filwaqt li insista li llum il-ġurnata ma għadux pazjent mentali, saħaq li kulħadd għandu jibqa’ jieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħu f’kull mument u għalhekk jeħtieġ aktar għarfien dwar dawk magħrufa bħala 'coping mecchanisms.'

Min-naħa tiegħu, il-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Frank Psaila faħħar il-proposti tal-Oppożizzjoni f’dan il-qasam u qal li dawn huma prova ta’ Partit Nazzjonalista proattiv.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti