'L-investigatur tal-Vatikan' - Artiklu fuq il-Washington Post dwar l-Arċisqof Scicluna

Il-Washington Post irreferiet għall-aħħar irwoli li kellu l-Arċisqof Scicluna fejn jidħlu każijiet ta’ abbużi fuq it-tfal minn membru tal-kleru

Yendrick Cioffi / 13 ta' Mejju 2019 11:01
Artiklu fuq il-Washington Post kellu biss kliem ta’ tifħir għall-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna li ddeskrivih bħala “l-investigatur tal-Vatikan f’każijiet ta’ emerġenza.”

Il-Washington Post irreferiet għall-aħħar irwoli li kellu l-Arċisqof Scicluna fejn jidħlu każijiet ta’ abbużi fuq it-tfal minn membru tal-kleru.

“Il-missjoni tiegħu bibda b’telefonata mingħand il-Papa,” jisħaq l-artiklu waqt li insista li meta jfaqqa’ xi każ ta’ abbuż, ikun fejn ikun, il-Papa jagħżel lill-Arċisqof Scicluna.

Jispjega kif Scicluna jmur fejn kardinali u isqfijiet ikunu akkużati li wettqu jew ħbew każijiet ta’ abbużi, fejn fl-aħħar snin mexxa xejn inqas minn erba’ investigazzjonijiet maġġuri, f’erba’ kontinenti.

L-artiklu jikkwota wkoll vittmi ta’ abbuż sesswali minn membri tal-kleru, li mal-Washingtom Post jisħqu li meta ltaqgħu ma’ Scicluna kienet l-ewwel darba li ħassew lil xi ħadd jifhem u jempatizza ma’ dak li għaddew minnu.

“Scicluna bena reputazzjoni,” ikompli jisħaq l-artiklu waqt li jiddeskrivih bħala wieħed mill-ftit uffiċjali tal-Vatikan li jifhem il-gravità tal-kriżi tal-abbuż sesswali fil-knisja.

“Il-vittmi jgħidu li Scicluna jippreżenta lilu nnifsu bħala persuna li lesta tisma’, sensittiv u metikoluż fil-fatti u d-dettalji,” jikkonkludi l-artiklu.

L-Arċisqof Charles Scicluna kellu wkoll rwol importanti fl-aħħar laqgħa speċjali li saret fil-Vatikan dwar dan l-iskandlu li heżżeż il-Knisja u li wassal lill-Papa biex jippreżenta l-Motu Proprio “Vos estis lux mundi” (Intom id-dawl tad-dinja).

Motu Proprio hi l-ligi l-ġdida ppromulgata mill-Papa Frangisku. F'dan il-każ titratta l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq il-minuri jew abbuz ta’ awtorità.

Aqra aktar billi tagħfas hawn.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti