'Muscat se jkun l-ewwel PM li lanqas biss bena post wieħed ta' akkomodazzjoni soċjali'

Adrian Delia jgħid illi Joseph Muscat u l-Gvern tiflu ruħhom u jiddefendi bil-qawwi lil Roberta Metsola u lil David Casa

Albert Gauci Cunningham / 12 ta' Mejju 2019 12:00
(Arkivji)
Meta kien qed jitkellem illum fil-Mellieħa il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, f'diskors mimli referenzi għall-abort, qal illi dan il-Gvern tilef il-kuxjenza soċjali. "Ilu sitt snin Prim Ministru u qed jgħid li se jitlaq u se jkun l-ewwel Prim Ministru li lanqas biss bena post wieħed ta' akkomodazzjoni soċjali, ma tax saqaf wieħed lil persuna fil-bżonn," sostna l-Kap tal-PN. 

Lejn l-aħħar tad-diskors, filwaqt li appella biex in-Nazzjnalisti jivvutaw, iddefenda lil Roberta Mestola u David Casa minn dawk illi sejjaħ "attakki kontra min jiddefendi lil pajjiżna u lill-poplu Malti." Hu kien qed jirreferi għall-kwistjoni ta' rapport dwar it-tassazzjoni.

Dwar l-abort Delia qal li dan il-Gvern jibda billi jnawwar bil-kwiet. "Ma qalx li hu favur l-abort imma beda billi fil-liġi neħħa r-referenza għall-omm u missier. Imbagħad neħħa l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf, fit-Trattat ta' Istanbul li seta' m'għamilhiex. Aħna staqsejna, għalfejn tneħħiet? Tajjeb li nipproteġu lin-nisa mill-vjolenza domestika mela, imma għalfejn neħħa l-protezzjoni lit-tarbija fil-ġuf?" staqsa rettorikament Delia lil dawk preżenti. 

Hu qal li l-Gvern, permezz ta' Chris Fearne, kien għamel dikjarazzjoni li l-embrijun huwa 'tmien ċelloli'. "Il-PN jirrikonoxxi li l-embrijun huwa ħajja u allura dik il-ħajja għandha dritt," sostna, waqt li fakkar illi fil-Manifest tal-EPP m'hemm xejn miktub dwar l-abort, kuntrarjament għall-pożizzjoni tas-Soċjalisti u Demokratiċi Ewropej (S&D).  

"Il-Partit Nazzjonalista lest jinnegozja fuq kollox, "imma fuq il-ħajja ma ninnegozjaw qatt u naċċertaw li kull min jitla' f'isem il-PN jaħlef li meta jitla' fl-UE jikkonvinċi li qatt u qatt ma jidħol l-abort f'pajjiżna

Delia sellem lill-ommu preżenti u rringrazzjaha għaċ-ċapċip ta' dawk preżenti

'Il-PN dejjem għożż id-dritt għall-ħajja: Mill-konċepiment'

Id-Deputat Claudio Grech sellem lin-nisa u qal illi l-ommijiet qatt ma ħasbu illi aħna tmien ċelloli, f'refereza għall-argument illi l-embrijun mhux ħajja umana. "Aħna dejjem kellna Kapijiet li għożżew il-prinċipju tad-dritt tal-ħajja u tal-familja, kif qed jagħmel il-Kap tal-lum. Id-dritt tal-ħajja tiġi mill-konċepiment sal-mewt," ċċara mill-ġdid Grech. 

"Dak li jgħaqqaddna huwa l-ġid komuni u dak li jgħaqqadna rridu nsarfuh fil-vot għall-MEPs tal-PN," qal Grech li sellem lil Roberta Metsola, David Casa u Francis Zammit Dimech.

Peter Agius b'appell għall-għaqda

Il-kandidat għall-elezzjoni ta' Mejju Peter Agius sostna li ħmistax mil-lum ikollna r-riżultati tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew u qal li l-għażla trid issir fuq il-kompetenza u l-motivazzjoni. "Aħna għandna sitta minn nies mhux 20 bħal pajjiżi oħrajn u allura irridu naħdmu flimkien mhux għajn għal għajn u sinna għal sinna. Għalhekk nappella li dawk kollha ta' rieda tajba inkluż eluf ta' Laburisti. Fil-25 ta' Mejju għandna għażla ta' kif se nġibu riżultati u nisfruttaw lill-UE."

"Dwar l-immgrazzjoni kellna l-Valletta Summit u l-Presidenza u kull m'għandna x'nuru dik l-għoqda kerha quddiem Kastilja," sostna Peer Agius. 

'Fil-futbol Delia wera' li jiġġieled il-korruzzjoni'

Dione Borg, Kandidat għall-elezzjoni tal-25 ta' Mejju reġa fakkar illi l-abort huwa wegħda tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Ewropej. Hu qal illi jiftakar lil Delia fid-dinja tal-futbol u sostna illi Delia ħadem meta kellu rapporti ta' korruzzjoni fil-klabb tiegħu. "Quddiem akkużi ta' korruzzjoni Delia keċċa lin-nies u rebaħ ġlieda imprortanti. Ara Muscat żammhom madwaru."

Huwa appella wkoll għall-għaqda fil-partit. 

Frank Psaila iwiegħed appoġġ ċar lill-kaċċaturi; 'Dak li jagħmlu l-Ewropej, tagħmluh intom'

Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Frank Psaila sellem lil dawk l-ommijiet li ma jistgħux ikollhom tfal u offra solidarjetà.

Dwar l-elezzjoni sostna li "jien irrid nitkellem f'isem il-bidwi u f'isem is-sajjied permezz tal-proposti tagħna u hemm ukoll, u ma niddejjaqx ngħidha, il-kaċċaturi. Inwegħdkom," sostna Psaila f'appell lill-kaċċaturi, "li se naħdem biex dak li jagħmlu sħabkom kaċċaturi fl-Ewropa tkunu tistgħu tagħmluh intom ukoll."

Hu qal li se jkompli jaħdem biex tinħareg l-id tal-ħbiberija lil dawk in-Nazzjonalisti li jħossuhom mbegħda mill-partit. 

"Oħorġu u ivvotaw lill-kandidati kollha tal-PN...ejjew Nazzjonalisti, ejjew bl-eluf minn tagħhkom, ejjew bil-bnadar tagħkom," għalaq Psaila għaċ-ċapċip u l-għajjat ta; 'Prosit, prosit."

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.