Il-PM iħabbar li l-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali se jirdoppja fid-daqs

Il-Ministru Ian Borg jgħid li l-Park Nazzjonali se jkun kbir daqs 63 grawnd tal-futbol

Yendrick Cioffi / 10 ta' Mejju 2019 12:18
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar dalgħodu li l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali se jkun qed jikber kważi bid-doppju u dan wara xogħlijiet li se jkunu qed isiru bil-għan li jingħata aktar spazju miftuħ lill-familji.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-proġett, il-Prim Ministru spjega kif dan se jsir b’investiment ta’ €20 miljun u se jkun qed jara ż-żona tirdoppja minn 270,000 metru kwadru għal 450,000 metru kwadru.

Spjega kif fabbrika abbandunata tal-konkrit, li kienet tattira biss rimi illegali ta’ skart, se tkun issa qed tintuża biex jiżdied l-ispazju miftuħ għall-familji.

“Iż-żona tal-park se tkun terz tal-London Hyde Park,” qal il-Prim Ministru biex ikompli jenfasizza l-kobor ta’ dan il-proġett.

Muscat spjega kif il-Park Nazzjonali se jkun amministrat minn Ambjent Malta, bil-ħaddiema tiegħu se jkunu qed jagħmlu r-rondi tagħhom bl-użu ta’ karozzi elettriċi.

Parti miż-żona li se tkun inkluża bħala parti mill-proġett
Apparti minn hekk, se tkun qed tinbena wkoll trejqa li se twassal sa Chadwick Lakes waqt li se jitkabbru wkoll iż-żoni riservati għall-klieb.

Il-Prim Ministru qal ukoll li l-Gvern se jkun qed iwettaq wiegħda oħra elettorali hekk kif se tinbena kwoll żona għall-camping.

Il-proġett se jkun jinkludi wkoll rotot għaċ-ċikliżmu u anke għall-eżerċizzju fiżiku

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera saħaq li minkejja l-kritika li jirċievi l-Gvern, mhux qed jonqsu l-proġetti ambjentali li qed jipproponi.

Tkellem ukoll il-Ministru Ian Borg li insista li filwaqt li hu tajjeb li l-pajjiż ikollu ekonomija b’saħħitha, importanti wkoll li l-pajjiż ikolli aktar spazji miftuħa.

“Dan se jkun l-akbar proġett ambjentali ta’ pajjiżna, bl-iżvilupp se jkun qed isir fuq żona kbira daqs 63 grawnd tal-futbol,” saħaq il-Ministru.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti