Norman Lowell irrappurtat lill-Pulizija wara l-kummenti tiegħu fuq it-trabi b'diżabilità

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità rrappurtat lil Lowell anke lill-Awtorità Maltija għax-Xandir

Yendrick Cioffi / 9 ta' Mejju 2019 16:46
Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità rrappurtat lill-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norman Lowell kemm lill-Pulizija u anke lill-Awtorità Maltija għax-Xandir.

F’kummenti mas-sit Lovin Malta, kelliem għall-Kummissjoni spjega kif irrappurtaw lil Lowell wara li ssuġġerixxa li omm li jkollha tarbija b’diżabilità severa, anke mentali għandu jkollha l-għażla li twettaq abort jew inkella li t-tarbija saħansitra tinqatel wara li titwieled.

“Dan jissejjaħ eugenics,” saħaq Lowell waqt li insista li dan il-kunċett ma bedix fil-Ġermanja. Mhux hekk biss, iżda saħansitra semma l-isterilizzazzjoni ta’ persuni “difettużi.”

Fi kliem lowell, għandha tkun il-mara li tagħżel meta twettaq abort, mhux biss jekk din tkun ġiet stuprata jew inkella jkun hemm riskju għal ħajjitha iżda anke meta t-tarbija jkollha diżabilita fiżika severa.

“Xi ħaġa sabiħa tmur f’villaġġ mimli b’village idots? Min irid il-persunin b’diżabilità? Ħadd ma jridhom,” kompla jisħaq Lowell.

Intant, fl-aħħar jiem, il-kandidat tal-lemin estrem saħansitra ddeskriva lil Auschwitz bħala d-'Disneyland' tal-Polonja.