'Il-Gvern għandu jassigura li jipprovdi l-aqwa magni lill-persuni dijabetiċi' - Zammit Dimech

Dan wara li diversi spiżjara lmentaw mal-gazzetta ILLUM dwar il-magni l-ġodda tad-dijabete li qiegħed iqassam il-Gvern

Yendrick Cioffi / 7 ta' Mejju 2019 10:11
L-Ewroparlamentari u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech appella lill-Gvern biex jassigura li jipprovdi l-aqwa magni lill-persuni dijabetiċi.

Huwa qal dan b’reazzjoni għal artiklu ppubblikat fuq il-gazzetta ILLUM li spjega kif diversi dijabetiċi qed jilmentaw mill-magni l-ġodda li qed joffri b’xejn il-Gvern biex ikunu jistgħu jiċċekjaw il-livell taz-zokkor fid-demm.

Fil-fatt, xejn inqas minn ħames spiżjara li tkellmu mal-ILLUM ilmentaw dwar il-fatt li huma ħafna dawk id-dijabetiċi li qed jilmentaw magħhom li l-magni mhux qed ikun preċiżi u qed jimmarkaw iz-zokkor għoli ħafna.

Dan kien ikkonfermat ukoll minn diversi persuni oħra li rreaġixxew għall-istorja tal-ILLUM.

B’reazzjoni għal dan, Zammit Dimech saħaq li ġaladarba huma importanti li d-dijabetiċi jiċċekjaw il-livell taz-zokkor fid-demm, il-Gvern għandu jipprovdi l-aqwa magni

Apparti minn hekk, l-Ewroparlamentari, li huwa wkoll ll-ko-president tal-grupp ta' ħidma tad-dijabete tal-Unjoni Ewropea, insista li l-Gvern għandu jżomm mal-wegħda tiegħu li jipprovdi l-continuous glucose monitors (CGM) b'xejn

“Irrispettivament mid-dikjarazzjoni tal-Gvern li dawn se jsiru disponibbli, il-familji qed jgħidu li t-tfal għadhom qed jistennew il-CGM,” saħaq Zammit Dimech.

Appella wkoll biex il-Gvern jara li mediċina importanti ħafna għad-dijabetiċi u li tiswa bejn €60 u €130 tkun ipprovduta b'xejn bħal ma jiġri fi stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea.

Aqra aktar fid-dettall dak li qalu mal-ILLUM spiżjara u pazjentin dwar dawn il-magni u kif wieġeb il-Gvern.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti