Għaċ-ċapċip Lowell jgħid Auschwitz 'Disneyland' u l-Lhud 'ulied ix-xitan'

... u jidher l-ewwel darba fis-sondaġġi bħala kandidat li għandu ċans jikseb ammont ta' voti 

Albert Gauci Cunningham / 5 ta' Mejju 2019 18:31
Norman Lowell
Norman Lowell, il-kandidat ta' Imperium Europa għall-elezzjoni ta' Mejju, waqt attività tal-istess partit tal-lemin estrem sostna illi Auschwitz huwa d-'Disneyland' tal-Polonja għax huwa mibni fuq il-gideb, għaċ-ċapċip ta' dawk preżenti. Dawk li nstemgħu jitkellmu u jċapċpu (imma li ma jidhrux) kienu Maltin biss u f'bosta mumenti instemgħu wkoll iħeġġu lil-Lowell biex jibqa' għaddej u li se jagħtuh l-appoġġ.   

Miljuni ta' nies huma mifhuma li inqatlu f'Auschwitz fi proċess ta' eliminazzjoni tal-Lhud mill-partit Nażista li kien imexxi Adolf Hitler. Bħal bosta apoloġisti tal-Gvern Nażista, Lowell jisħaq li Auschwitz huwa "gidba". Hitler kien iddikjara lill-Lhud, għadu tal-poplu Ġermaniż u tal-poplu Ewropew u allura, skontu, kellu jkun eliminat. 

Fl-istess attività huwa sostna li hu u l-partit qed isiru aktar popolari għax qed jikkultiva' l-ideoloġija tiegħu, mhux bħal partiti l-kbar li, skontu, xebgħu jidħku bin-nies. Filwaqt li attakka lill-kandidat tal-Partit Demokratiku Martin Cauchi Inglott, Lowell qal ukoll illi hija gidba li qed imexxu bosta dik dwar l-abort ta' pesuni b'diżabilità u sostna illi hu jixtieq biss li jagħti għażla lil dawk l-ommijiet li jkun se jkollhom tfal b'diżabilità. 

Intant Lowell, għall-ewwel darba, qed jidher fl-istħarriġ tal-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna, Mediatoday. F'dan l-istħarriġ 1.2% ta' dawk li pparteċipaw qalu illi se jivvutaw lil Lowell, iktar minn dawk li qalu illi se jivvutaw lill-Alternattiva Demokratika (1%) u lill-Partit Demokratiku (0.8%)

 

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.