Il-Gvern se jagħti sa massimu ta' €50,000 għall-bini mill-ġdid tal-ark ta' San Publju

Il-Ministru qal li quddiem traġedja bħal din, fejn intilef wirt storiku, tingħafas il-qalb tal-poplu kollu

Yendrick Cioffi / 3 ta' Mejju 2019 17:13
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li l-Gvern Malti se jkun qed jagħti donazzjoni ta’ bejn  €20,000 u €50,000 mill-fond għall-kawżi ġusti biex ikun jista’ jinħadem mill-ġdid l-ark ta’ San Publju li din il-ġimgħa ħarġet l-aħbar li tqabbad minn xi ħadd apposta.

Scicluna ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-istess post fejn sa ġimgħa ilu, l-ark kien għadu qed iżejjen lit-toroq Furjaniżi fil-jiem tal-festa li se tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd li ġej.

Preżenti għall-konferenza kien hemm l-Arċipriet Furjaniż, Dun Charles Cini li wera l-apprezzament tiegħu għal din id-deċiżjoni tal-Gvern.

Spjega, kif biex jinbena mill-ġdid dan l-ark artistiku, se jkun hemm bżonn eluf kbar ta’ ewro.

Il-Ministru insista li l-Gvern huwa determinat li jħares il-wirt storiku u insista li bħall-bqija tal-poplu kien iddispjaċut wara li l-ark f’ħuġġieġa waħda nhar il-Ħadd li għadda.

Kien dan li wassal lill-Ministru biex ilaqqa’ l-bord li jamministra dan il-fond biex tingħata donazzjoni lill-poplu Furjaniż

Preżenti għall-konferenza kien hemm preżenti s-Sindku tal-Furjana Davina Sammut Hili.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti