Konfiskat ħafna tonn minn stabbiliment f'Ħaż Żabbar

Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura jgħid illi t-tonn kellu nuqqas ta' traċċabilità u kien f'kaxxi mhux dikjarati..

Albert Gauci Cunningham / 30 t'April 2019 17:55
Operazzjoni koordinata minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, bl-involviment tad-Direttorat tal-Regolazzjoni Veterinarja u d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, li kienet qiegħda ssir tul dawn l-aħħar ġranet, wasslet sabiex jiġu konfiskati numru sostanzjali ta’ ħut u tonn minn stabbiliment fiż-żona industrijali ta’ Maġġi, f’Ħaż-Żabbar. Il-valur ta’ dan il-ħut u tonn jista’ jlaħħaq l-eluf ta’ ewro fis-suq.

L-investigazzjoni wasslet sabiex ġew identifikati ħut u tonn li kellhom nuqqas ta’ traċċabilità, dikjarazzjonijiet foloz, u li parti minn dan il-ħut instab ġo kamra mhux dikjarata skond il-parametri tal-liġijiet rispettivi. Il-ħut u t-tonn misjub ġie ssiġillat u konfiskat. L-investigazzjoni mistennija titkompla fil-jiem li ġejjin.

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.