Żewġ films ġodda għal din il-ġimgħa

Avengers: Endgame u Peppa Pig: Festival of Fun ... minn din il-ġimgħa fiċ-ċinema

Carmel Bonnici / 29 t'April 2019 11:56
Avengers: Endgame

Atturi Ewlenin: Robert Downey Jr.; Chris Evans; Mark Ruffalo; Chris Hemsworth; Scarlett Johansson; Jeremy Renner; Don Cheadle; Paul Rudd; Brie Larsen; Josh Brolin.

Diretturi: Anthony u Joe Russo.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 181 min.

Ċert. 12A.

 Avengers: Endgame li huwa it-22 film ta' Marvel Studios, iġib il-konklużjoni tal-avvenimenti ta' ħerba totali li seħħew f' Avengers: Infinity War (2018). Din il-produzzjoni ġdida tibda eżatt fejn ħalla l-film spettakulari tas-sena l-oħra, bil-grupp Avengers, wara telfa kbira u umiljanti, maħrubin u mxerrdin ma' kullimkien. Il-kattiv Thanos (Brolin) wara li ġabar is-sitt Infinity Stones, li tawh setgħa enormi, jidher issa imbattibbli u b'qilla ħarxa qed jaħkem b'tiranija lill-umanità' wara li qered nofsha, inkluż xi wħud mill-Avengers. Wara dan id-diżastru globali, dawk l-Avengers li baqa' se jkollhom sfida monumentali quddiemhom - iridu jsibu l-ħerqa u l-ħeġġa meħtieġa biex ifittxu mezz kif jghelbu lil Thanos darba għal dejjem. Tony Stark/Iron Man (Downey Jr.) jinsab itturfnat fl-ispazju profond b'nuqqas ta' ilma u saħħtu sejra lura. Hu jibgħat messaġġ lill-assistenta tiegħu, Pepper Potts (Gweyneth Paltrow) għall-għajnuna u tkun Carol Danvers/Captain Marvel (Larsen) li teħilsu.  Avengers: Endgame li jieħu tliet sigħat biex jiżvolġi, jiddedika aktar minn nofsu kif dan il-grupp ta' supereroj se jqumu mit-telfa qawwija li ġarrbu, jlestu pjan konkret kif se jiffaċċjaw lill-għadu aħrax tagħhom billi anki jmorru lura fiż-żmien u jitolbu għajnuna minn bnadi oħrajn. Dan hu r-raba’ kapitlu ta' din is-saga epika ddedikat għall-aktar supereroj potenti fid-dinja. L-atmosfera hawn hija aktar ta' disperazzjoni apokaliptika mill-episodji ta' qabel. Il-final grandjuż mimli azzjoni mill-aqwa, ta' aktar minn siegħa juri l-gwerra kolossali li tfaqqa'. Fuq skala tremenda u vasta, mill-art u mill-ajru kull xorta ta' attakkanti, umani, mostri, bestji li jtiru jimlew il-liżar wiesa' b'movimenti kontinwi u mħarrka sew, kif ukoll b'enerġija u akrobaziji tremendi. F'din il-battalja epika fejn T'Challa/Black Panther (Chadwick Boseman) iġib l-armata Afrikana tiegħu, niftakru f'dawk simili tas-sensiela The Lord Of The Rings , però hawn b'aktar furja u distruzzjoni. Spettakolari wkoll hu l-attakk ta' Thanos fuq il-kwartieri tal-Avengers li jinqerdu totalment.  Avengers: Endgame tant fih karattri, intriċċi u avvenimenti li jiżvolġu mhux b'kontinwità, iżda jkompli kull ftit ħin fejn ikun ħallew, li wieħed irid jarah aktar minn darba biex japprezzah aħjar. L-effetti speċjali viżwali huma tassew spettakolari tant li l-baġit tal-film jidher li hu ta' spiża enormi. Kif Avengers: Infinity War irnexxielu jdaħħal is-somma ta' aktar minn żewġ biljun dollaru u jinsab fir-raba’ post tal-aktar films ta' kull żmien li daħħlu flus, nistenna xi ħaġa simili għal dan il-film.

Peppa Pig: Festival of Fun.

Direttur u Produttur: Astley Baker Davies.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 68 min.

Ċert. U

It-tfal iż-żgħar ta' dik l-età qabel jibdew jattendu l-iskola jogħxew ħafna bl-avventuri ta' Peppa Pig, karattru tassew maħbub minnhom. Fil-produzzjoni animata ġdida, Peppa Pig: Festival of Fun , fl-episodji tal-film naraw lil Peppa u l-ħbieb tagħha jiżfnu fit-tajn ġo festival tat-tfal, jiċċelebraw jum it-twelid ta' Grandpa Pig f'ristorant u jmorru fiċ-ċinema jaraw lill-eroj tagħhom Super Potato Big Movie. Dan il-film jintroduċi karattri ġodda, postijiet ukoll ġodda f'għaxar episodji li jdumu siegħa u tmien minuti.  Peppa Pig: Festival of Fun jiċċelebra l-15-il anniversarju tal-popolarissima ħanżira maċ-ċkejknin tar-Renju Unit. Dan ix-xogħol japplika l-istess format ta' Peppa Pig: My First Cinema Experience tal-2017 li kien għamel suċċess mal-familji Brittaniċi.