F'Monte Carmeli ma jistax jibqa' jservi bħala detenzjoni, tiddeċiedi l-Qorti

F'deċiżjoni li ssorprendiet lil ħafna l-Maġistrat Joe Mifsud irrifjuta li jirrakkomanda persuna akkużata għal Monte Carmeli

Albert Gauci Cunningham / 18 t'April 2019 14:44
Il-Maġsitrat Joe Mifsud
Il-Maġistrat Joe Mifsud irrifjuta li jirrakkomanda persuna akkużata quddiemu għal Monte Karmeli, hekk kif qal li din il-prattika li jintbagħtu persuni li jkunu qed jiffaċċjaw każ il-Qorti f'dan l-isptar, hija illegali. 

Dan qalu fil-każ ta' raġel minn Ħal Qormi akkużat bil-pussess aggravat ta' eroina u kokaina. 

Il-Maġistrat irrifjuta li jagħmel rakkomandazzjonijiet u qal li l-Unit Forensika mhix ħabs, skont il-liġi. Il-Maġistrat fakkar illi l-Avviż legali li jagħti l-lista ta' postijiet li jistgħu jintużaw ta' ħabs ma jsemmix l-Isptar Monte Carmeli u allura l-Qrati, sa mill-1998, kienu qed japplikaw l-liġi b'mod inkorrett.

Mifsud ordna li d-deċiżjoni tiegħu tkun ikkomunikata lid-Direttur Ġenerali tal-Qrati, l-Avukat Ġenerali, l-Ministru tal-Intern u l-Ministru tal-Ġustizzja. 

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.