L-immigranti li ħatfu bastiment biex jinġiebu Malta jitpoġġew taħt att ta' akkuża

L-immigranti ħatfu l-bastiment biex ma jitteħdux lura l-Libja minn fejn kienu qed jaħarbu

Yendrick Cioffi / 15 t'April 2019 17:41
Il-Qorti tal-Maġistrati ddeċidiet li hemm biżżejjed provi biex it-tliet żgħażagħ akkużati li ħatfu l-bastiment El Hiblu 1 biex ma jeħodhomx lura l-Libja, jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.

It-tliet żgħażagħ li għandhom 15, 16 u 19-il sena, qed ikunu akkużat li ħatfu l-bastiment u li skont il-liġi Maltija, għal dan ir-reat, jistgħu jeħlu bejn seba’ snin u 30 sena ħabs.

Huma ħatfu dan il-vapur meta ndunaw li dan kien se jeħodhom lura l-Libja wara li salvahom.

Fil-Qorti nstema’ kif dawn it-tliet żgħażagħ, li kienu fost 100 immigrant ieħor abbord il-bastiment, heddew lill-ekwipaġġ biex idawru r-rotta u jbaħħru lejn Malta u dan għax kieku ttieħdu lura l-Libja kienu se jiffaċjaw persekuzzjoni.

Illum, waranofsinhar, il-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi l-kumpilazzjoni ta’ evidenza, saħaq li hemm biżżejjed evidenza biex dawn jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.