Taħriġ għal 12-il uffiċjal tal-Pulizija fuq il-forensika minn esperti Olandizi

Dan it-taħriġ huwa it-tieni wieħed li qed jiġi organizzat f’Malta, fil-faċilitajiet tal-Akkademja għall-Korpi Iddixiplinati

Albert Gauci Cunningham / 14 ta' Marzu 2019 18:04
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia waqt li għamel żjara fl-Akkademja għall-Korpi Iddixxiplinati, żar 12-il uffiċjal mix-xena tal-kriminalità (SOCO’s scene of crime officers) mit-taqsima tal-Malta Police Forensic Laboratory u li qegħdin jirċievu taħriġ minn esperti Olandiżi li huma membri tan-Netherlands Forensic Institute.

 Farrugia spjega kif l-ewwel fażi ta’ dan il-kors saret fil-bidu ta’ Diċembru tas-sena l-oħra fejn damet ġimgħatejn. It-tieni fażi tikkonsisti f’ġimgħatejn ta’ taħriġ teoretiku kif ukoll dak prattiku. Wara dawn il-ġimgħatejn ikun imiss ġimgħa ta’ assessjar u eżamijiet permezz ta’ diversi xeni fittizji li ser jiġu organizzati ġewwa l-faċilitajiet tal-Akkademja.

Qal kif dan huwa kors iċċertifikat mill-istess Istituzzjoni Olandiż u jikkonsisti fuq metidoloġiji forensiċi u l-użu tekniku ta’ apparat u tekonoloġiji kemm klassiċi kif ukoll oħrajn moderni, skont standards internazzjonali.

Il-Ministru Michael Farrugia kompla billi semma kif l-istandards huma imperattivi fil-qasam tax-xjenza forensika, fejn kull laboratorju jew istituzzjoni għandu diversi obbligi sabiex jiġi konformi mal-akkredazzjonijiet mitluba. Huwa qal kif bdiet issir evalwazzjoni sabiex jinbena laboratorju tal-forensika u b’hekk tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Dan it-taħriġ huwa it-tieni wieħed li qed jiġi organizzat f’Malta, fil-faċilitajiet tal-Akkademja għall-Korpi Iddixiplinati. L-ewwel wieħed kien organizzat fl-2016 fejn 14-il uffiċjal mit-taqsima Forensika tal-Pulizija kienu ingħataw ċertifikat wara li temmew b’suċċess dan it-taħriġ.

 

 

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.