Malta bit-tieni l-anqas nisa fil-Gvern fl-UE iżda l-PL biss jidher entużjast għall-kwoti

Għandna nuqqas ta’ nisa fil-Parlament, l-istatistika tikkonferma dan. Il-Gvern favur il-kwoti imma l-partiti politiċi l-oħra x’jaħsbu? Favur jew kontra l-implimentazzjoni tal-kwoti abbażi ta’ ġeneru?

Liam Carter / 14 ta' Marzu 2019 18:07
Nhar il-Ġimgħa li għadda d-dinja kollha ċċelebrat Jum il-Mara. Ġurnata fis-sena ddedikata għan-nisa kollha tad-dinja. Din il-ġimgħa wkoll, l-Eurostat, li hi l-fergħa responsabbli mill-ġabra u ħażna ta' statistika fl-Unjoni Ewropea (UE), ippubblikat diversi statistiċi rigward ir-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-gvernijiet madwar il-pajjiżi kollha tal-UE.

Skont din l-istatistika jidher li bi 12%, Malta kklassifikat it-tieni mill-aħħar fejn tidħol rappreżentazzjoni ta’ nisa fil-Parlament. L-uniku pajjiż li għandu rappreżentazzjoni agħar minn tagħna kien dak tal-Ungerija, b’7% tal-persuni fil-Gvern ikunu nisa.

Il-Partit Laburista 

Il-kwoti ta’ nisa li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet ġenerali kienet parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Is-sena l-oħra, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien saħaq li mhix se ssir diskussjoni dwar jekk dawn humiex se jkunu introdotti, imma se ssir biss diskussjoni dwar kif se jkunu introdotti l-kwoti abbażi ta’ ġeneru.

Dakinhar Muscat kien fakkar illi l-poplu diġà ddeċieda dwar din il-materja meta ta mandat lill-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-2016.

Intant din il-ġimgħa, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli ddeskriviet dawn il-kwoti bħala ‘a neccesary evil’. F’artiklu li deher f’gazzetta lokali, Dalli ħolqot paragun bejn l-istorja akkademika fuq is-suġġett tal-Fiżika u n-nuqqas ta’ nisa fil-Parlament, “meta s-suġġett tal-Fiżika ma kienx obbligatorju, l-istudenti tfajliet kienu jmorru ħażin fih. Meta dan sar obbligatorju l-istudenti tfajliet bdew imorru ħafna aħjar mill-ġuvintur,” sostniet il-Ministru Dalli.

L-Alternattiva Demokratika

F’kummenti li ta lil din il-gazzetta, iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal, “l-AD ma taqbilx ma’ kwoti fuq bażi tal-ġeneru f’konnessjoni ma’ elezzjonijiet kemm parlamentari kif ukoll oħrajn. Il-kwoti huma miżura ta’ umiljazzjoni.”

Skontu, l-aħjar soluzzjoni tkun elezzjoni bbażata fuq listi tal-partiti. Liema listi jkunu bilanċjati bejn il-ġeneru, mhux biss bejn nisa u rġiel imma li jinkludu wkoll persuni li ma jidentifikaw ruħhom ma’ ebda ġeneru kif anke hu rikonoxxut diġà mil-liġijiet Maltin.

Ix-xahar li għadda Mina Tolu (li tippreferi l-pronom ‘they’), attivista LGBTIQ u kandidata ta’ Alternattiva Demokratika għall-Parlament Ewropew, enfasizzat li “mhix xi aħbar ġdida li Alternattiva Demokratika qed tinsisti għal bilanċ bejn il-ġeneri fil-Parlament. Dan għandu jkun bilanċ mhux biss bejn in-nisa u l-irġiel, imma wkoll ta’ persuni li ma jidentifikaw ruħhom mal-ebda wieħed minn dawn il-ġeneri.”

Il-Partit Demokratiku

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Partit Demokratiku saħaq li l-introduzzjoni tal-kwoti għan-nisa tkun tfisser pass lura mill-progress li laħqu s’issa, minflok pass ’il quddiem.

Fl-istqarrija oriġinali, il-PD kien tenna jgħid, “in-nisa mhumiex tonn,” saħaq il-Partit Demokratiku. Din il-forma ta’ diskriminazzjoni pożittiva hija inġusta, degredanti, u fundamentalment mhix demokratika,”qalet l-istqarrija.

Intant f’kuntatt ma’ din il-gazzetta, il-mexxej tal-Partit Demokratiku, Godfrey Farrugia saħaq li, “għadu wisq kmieni sabiex il-PD jieħu pożizzjoni finali, irridu nistennew ir-riżultat aħħari tal-green paper.”

Żied jgħid li, “jekk dawn il-kwoti jibqgħu bħalma kien wiegħed Muscat oriġinarjament, il-PD jibqa’ kontra. Il-qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel, il-bidla ma tistax issir f’daqqa,” saħaq Farrugia.

Partit Nazzjonalista

Fir-risposta lill-gazzetta ILLUM Il-Partit Nazzjonalista saħaq li huwa favur partecipazzjoni akbar tal-mara f’kull qasam tas-socjeta inkluz fil-politika. "Kemm il-World economic Forum kif ukoll il-Eurostat juru li fl-aħħar sitt snin kien hemm waqa' qawwija fil-pagi, s-saħħa u l-parteċipazzjoni tan-nisa. In-nisa Maltin qed dejjem jaqilgħu anqas mill-irġiel b’waqa' qawwija fl-aħħar ħames snin biex issa qegħdin it-tielet mill-aħħar fl-Ewropa."

"Il-Partit Nazzjonalista jemmen li wieħed irid jistudja u jfhem aktar x’qed iżomm lin-nisa lura milli jikkontestaw l-elezzjonijiet biex jitneħħa kull xkiel sabiex il-mara tidhol u tipparteċipa fil-politika u f'pożizzjonijiet ta’ tmexxija."

"Il-Partit Nazzjonalista qiegħed fi stadju ta’ djalogu fejn qed jisma, jifhem u jiddiskuti x-xejriet li jgħinuh ifassal soluzzjonijiet adekwati biex il-mara tkun tassew success."