George Vella | Mis-sħubija mal-UE u Arafat sal-kanuni fuq l-IVF

Mexxa konferenza storika Ewro-Mediterranja li laqqgħet l-Iżrael mal-Palestina, iffriża l-applikazzjoni ta’ Malta biex tidħol fl-UE, kien fetaħ l-attakk fuq studenti li żebilħu lil Alfred Sant u m’għandu ebda apoloġiji x’jagħti fuq il-pożizzjoni tiegħu kontra l-abort u favur il-ħajja. Il-President li jmiss...

Albert Gauci Cunningham / 13 ta' Marzu 2019 10:53
Il-President tar-Repubblika issa se jkun George Vella, eks Ministru, eks Viċi Prim Ministru u eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Vella mhuwiex ġdid fix-xena politika, anzi qabel it-tħabbira li se jsir President kif prattikament irtira mix-xena politika.

F’dan l-artiklu din il-gazzetta tagħti ħarsa lura lejn il-mumenti l-aktar importanti għal Vella fil-politika, dak li qal, l-appelli li għamel matul is-snin kif ukoll l-istqarrijiet tiegħu matul dawn l-aħħar xhur dwar il-politika ta’ Gvern Laburista f’dak li jittratta l-IVF.

1997 – Konferenza Ewro-Mediterranja u ffriżar tas-sħubija mal-UE

Fl-1996 Vella kien maħtur Ministru tal-Affarijiet Barranin mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Alfred Sant.

F’din il-kariga huwa kien responsabbli għall-iffriżar tal-applikazzjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, hekk kif kien imwiegħed mill-Partit Laburista li tela’ bl-għajta; ‘Iċ-Ċittadin l-Ewwel’.

Fis-sentejn li għamel fil-poter il-Malta Labour Party (MLP) Vella kien mexxa l-konferenza Ewro-Mediterranja li kienet storika l-aktar minħabba ritratt ta’ Yasser Arafat, il-mexxej Palestinjan jieħu b’idejn David Levy, ministru Iżraeljan.

Il-konferenza saret f’April tal-2017 u għaliha attendew 15-il pajjiż, fosthom il-Marokk, it-Tuneżija, il-Palestina, Ċipru, ir-Renju Unit, il-Greċja u l-Eġittu.

Vella u l-ittra tal-MLP lil Yasser Arafat

Il-pożizzjoni ta’ Vella u l-Partit Laburista dwar Arafat kienet ċara. Fil-fatt f’ittra li Vella kien kiteb flimkien mal-avukat Joe Brincat (dak iż-żmien Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit) kien qal hekk dwar Arafat: “Aħna minn dejjem konna impressjonati bil-kuraġġ, saħħa u determinazzjoni li tikseb ir-rikonoxximent, stat, sigurtà u prosperità lin-nies. Il-Malta Labour Party dejjem emmen li l-Iżraeljani u l-Palestinjani għandhom jeżistu flimkien fil-paċi...”

‘Stupidi, injoranti, baxxi...’

George Vella xi ftit żbukkat ukoll u fl-elezzjoni tal-2008 kellu kliem iebes ħafna wara li l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant kien milqugħ b’diżapprovazzjoni qawwija fl-Università u bbuwjar kontinwu.

Vella dakinhar kien sejjaħ dak li ġara bħala ‘faxxiżmu’ u għajjar lil dawk li kienu qegħdin jiddieħku lil Sant bħala nies li kienu qed jagħmlu l-mossi kollha ta’ nies stupidi, injoranti u baxxi...

Naturalment dan ir-rekording ta’ Vella ntuża bosta drabi mill-midja tal-Partit Nazzjonalista biex ipinġi lil Vella bħala persuna li qed tipprova tħammeġ lill-istudenti.

George Vella u l-Panama

George Vella, skont rapporti mhux miċħudin fuq il-gazzetta Maltatoday, kien l-aktar Ministru voċiferu favur ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi f’laqgħa tal-Kabinett wara li kien żvelat kif Mizzi flimkien ma’ Keith Schembri, kien fetaħ kumpanija l-Panama.

Minkejja dan fil-Parlament fuq vot ta’ sfiduċja f’Mizzi mill-Oppożizzjoni Vella kien ivvota mal-Gvern. Hu kien aċċenna wkoll illi fuq Mizzi dubji ta’ aġir ħażin kien hemm u qatt ċertezza.

“Allaħares kull min kellu dubji serji fuqu naqtgħuhielu għall-mewt ... ippruvaw li vera hemm il-korruzzjoni,” kien sostna Vella fil-Parlament.

Favur il-ħajja u kontra l-bidliet fil-liġi tal-IVF

George Vella jibqa’ fost l-aktar politiċi favur il-ħajja u kontra l-abort iżda jibqa’ wkoll wieħed mill-akbar kritiċi tal-Gvern Laburista fuq il-bidliet li ppropona fil-liġi tal-IVF.

Huwa kien qal hekk: ‘L-abbozz il-ġdid tal-IVF huwa travestija kompleta tal-etika, moralità u dinjità umana, allegatament biex tneħħi d-diskriminazzjoni imposta min-natura nnifisha.”

Vella kien qed jirreferi għall-fatt li raġel ma jistax ikollu t-tfal u allura, f’dan is-sens, mhuwiex ugwali mal-mara.

Aktar tard, fuq Twitter ukoll, Vella kiteb jistaqsi: “Kellna naslu sa hawn u naqgħu daqshekk fil-baxx biex nilħqu l-wegħda utopika tal-ugwaljanza?”

Punt ta’ referenza dwar il-Libja

George Vella jibqa’ wieħed mill-aktar persuni voċiferi u li għandhom għarfien dwar il-Libja, kemm qabel u anke issa.

F’Settembru 2014 f’Milan kien saħaq li jekk ma konniex se nagħtu l-attenzjoni meħtieġa b’mod urġenti kien hemm il-periklu li l-Libja ssir Iraq ieħor.  

Ma’ din il-gazzetta, Vella kien sostna li ma jistax jeskludi li l-Ġeneral Haftar kien wara hijack li kien sar fl-aħħar jiem tal-2016.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.