Opinjoni | Jum il-mara għandu jkun kuljum

Rosianne Cutajar tispjega fost oħrajn għalfejn fetħet żewġ libelli wara tgħajjir li sar fuqha

Rosianne Cutajar / 12 ta' Marzu 2019 17:41
Nhar il-Ħamis li għadda, propju lejlet il-Jum Internazzjonali tal-Mara, tajt għall-ewwel darba x-xhieda tiegħi quddiem il-Qorti fil-kawża ta’ libell li ressaqt fil-konfront ta’ Godfrey Leone Ganado u Rachel Williams, wara l-kliem dispreġjattiv li kitbu dwari fil-midja soċjali.

Iva, fl-2019, aħna n-nisa għadna nisfaw vittma ta’ persuni li jżebilħuna u jirredikolawna, mhux minħabba dak li ngħidu jew dak li nemmnu fih, iżda għax aħna nisa. 

Ħafna jargumentaw li m’hemmx għalfejn niċċelebraw Jum il-Mara, għaliex jum il-mara għandu jkun kuljum. Huwa vera, bħalma huwa vera li l-mara għamlet avvanz f’dawn l-aħħar snin. Iżda jekk wieħed ikun oġġettiv jirrealizza li apparti bidla fil-mentalità, għad hemm oqsma fejn għad baqa’ ħafna x’niksbu, primarjament fil-politika.

U huwa proprju għalhekk li dan il-jum għadu relevanti u neċessarju, mhux biss għalina n-nisa, iżda għal pajjiżna. Dan il-jum għandna niċċelebrawh mhux biss bħala jum fejn fih infakkru l-kisbiet tal-mara, grazzi għal dawk in-nisa kollha li, fi żminijiet iktar diffiċli, xorta rnexxielhom iħallu  marka fid-dinja. Dan il-jum għandu jservi wkoll bħala jum li fih b’mod tanġibbli nindirizzaw l-isfidi li jqegħdilna quddiemna l-preżent. 

X’nistgħu nagħmlu aħna n-nisa biex ngħinu aktar nisa jirnexxu? X’hemm bżonn isir biex inkomplu nipproteġu lil dawk in-nisa vulnerabbli? X’nistgħu nagħmlu biex ikollna rappreżentanza femminili parlamentari aktar b’saħħitha? 

"Inwegħedkom li dan il-front kontra l-abbuż u l-umiljazzjoni tan-nisa fil-ħajja soċjali u pubblika se nkompli nieħu ħsiebu"
Il-Jum Internazzjonali tal-Mara huwa għalhekk jum ta’ ċelebrazzjoni u ta’ riflessjoni. Ċelebrazzjoni, għaliex kisbiet saru u qegħdin ikomplu jsiru, kif tixhed il-ġrajja tad-drittijiet indaqs f’pajjiżna fl-aħħar snin. Riflessjoni, għax minkejja dawn il-kisbiet, it-tixrid ta’ kliem ta’ mibgħeda li jattakka mara fuq bażi tas-sesswalità tagħha għadna ma ħallejniehx warajna, kif jixhdu l-attakki ta’ Godfrey Leona Ganado u Rachel Williams fil-konfront tiegħi u attakki fil-konfront ta’ nisa oħrajn.

Waqt li jiena kont qed nixhed b’rabta mal-kawża ta’ libelli li ftaħt, żewġ nisa li kienu fl-awla, ħbieb ta’ Ganado u Williams u li jattendu attivitajiet tal-Occupy Justice, irċevew ċanfira mingħand il-Maġistrat Rachel Montebello wara li bdew jidħku waqt ix-xhieda tiegħi. 

L-imġiba tagħhom ġegħlitni naħseb dwar kemm għandna bżonn, bil-fatti, nuru iktar solidarjetà bejnietna n-nisa. Il-movimenti tan-nisa madwar id-dinja kisbu d-drittijiet tagħhom għax urew solidarjetà sħiħa ma’ xulxin, u fehmu li meta jġonġu l-qawwa tagħhom u jissieltu spalla ma’ spalla għall-istess għan, ir-riżultati jkunu ferm iktar effettivi.

Jidher ċar li l-gwerriera suppost feministi tal-Occupy Justice illi daħku bija fil-Qorti, dan il-kunċett storiku ta’ solidarjetà ma jifhmuhx, jew aħjar għażlu li jerfgħu kejl differenti għalija - forsi għax bi twemmin politiku differenti?! Għadni sa issa ma nistax nifhem x’kien hemm daqshekk tad-daħk f’xhieda li fiha bdejt nispjega dak li ħassejt bil-kliem dispreġattiv u misoġinist li ntqal fil-konfront tiegħi. 

Li ma fehmux huwa li bl-imġiba tagħhom fil-Qorti, ma naqsux biss lili mir-rispett, imma lil waħda mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż – il-Qorti, ironikament ukoll preseduta minn mara eċċellenti. Xi jfisser dan? Li għal xi wħud, fejn mhux politikament konvenjenti, l-empatija tintrema barra mit-tieqa. Insew il-ħafna kliem fierah dwar in-nisa u s-solidarjetà femminili. Insew il-kruċjata li għamlu meta ħaddieħor żeblaħ lilhom bħala nisa.

Fuq livell emozzjonali, minkejja li nqis lili nnifsi bħala persuna, li għax qalgħat ħafna, tiflaħ għad-daqqiet, ikolli nistqarri x-xhieda fil-Qorti ma kinitx passiġġata ħelwa. 

"Jidher ċar li l-gwerriera suppost feministi tal-Occupy Justice illi daħku bija fil-Qorti, dan il-kunċett storiku ta’ solidarjetà ma jifhmuhx, jew aħjar għażlu li jerfgħu kejl differenti għalija"
Personalment qatt ma tajt xhieda f’Qorti u nistqarr li kienet umiljanti u surreali għalija li nisma’ kif ħaddieħor, sempliċiment għax jiena mara, u minħabba t-twemmin politiku tiegħi, għażel li jsejjaħli qaħba.

Dan l-episodju fil-Qorti ġegħelni naħseb ukoll f’dawk in-nisa vulnerabbli u nisa li ħafna drabi jkunu mistoħbija, iżda fuq kollox dwar l-importanza li aħna li ninsabu fil-politika, lil dawn il-persuni nagħrfuhom, ngħinuhom jirnexxu u niżguraw li ma jkunux esposti għal imġiba li tkisser ir-ruħ, bħal dik ta’ Ganado, Williams u dawk li wrew disprezz ilbieraħ fl-awla u fil-preżenza ta’ Maġistrat. 

Huwa proprju għalhekk li ftaħt dawn il-kawżi ta’ libell. Irrid ngħaddi messaġġ mill-aktar ċar: lil ħuti nisa b’mod ġenerali, imma aktar u aktar lil dawk in-nisa li qed jaspiraw illum, jew għad jaspiraw għada, li jkunu fil-politika. Ħadd m’għandu jaċċetta li jiġi indirizzat b’dan il-kliem. 

Indipendentament mis-sess, twemmin politiku, klassi soċjali jew reliġjon!

Inwegħedkom li dan il-front kontra l-abbuż u l-umiljazzjoni tan-nisa fil-ħajja soċjali u pubblika se nkompli nieħu ħsiebu. U fl-aħħar nett, ninnota wkoll b’sodisfazzjon id-diversi deċiżjonijiet riċenti li ħarġu mill-Qorti fil-konfront ta’ individwi li użaw il-medja soċjali biex ikasbru, jinsulentaw u jkissru individwi oħra għal skopijiet tagħhom. 

Se nibqa’ nistinka magħkom lejn Malta ta’ għada: soċjetà li tikber mhux biss fil-ġid, imma fl-għarfien, fit-tagħlim, u fis-solidarjetà.