Il-Pulizija u d-Dipartiment tas-Sajd jaħslu jdejhom mill-każ tas-sajjied li spiċċa bla luzzu

Il-gazzetta ILLUM tkompli ssegwi l-każ tas-sajjied Xlukkajr li ilu erba’ xhur ma jistax jipprattika d-delizzju tiegħu għax ikkonfiskawlu l-luzzu.

Yendrick Cioffi / 20 ta' Frar 2019 09:21
Il-luzzu ta’ Martin Caruana ftit qabel ma ġie kkonfiskat
Is-sajjied Xlukkajr Martin Caruana rċieva t-tieni kontro-protest għall-protest ġudizzjarju li ressaq kontra Transport Malta, il-Pulizija u d-Dipartiment tas-Sajd wara li fi kliemu ħadulu l-luzzu minn fuq skal f’Marsaxlokk.

Il-gazzetta ILLUM ilha ssegwi l-istorja ta’ Martin Caruana minn Ottubru tas-sena li għaddiet. Is-sajjied anzjan kien tella’ l-luzzu, bl-għajnuna tal-persuna responsabbli mid-Dipartiment tas-Sajd biex topera l-winċ, fuq wieħed mill-iskalin (rampa li tagħti għall-baħar minn fejn jittellgħu u jitniżżlu d-dgħajjes) biex ikun jista’ jagħmel fuqu xi xogħlijiet ta’ manutenzjoni.

Fuq dan l-iskal ma kien hemm l-ebda avviż li juri li fi ftit tal-jiem wara kellhom jibdew ix-xogħlijiet fuqu. Meta Caruana kien laħaq qaxxar il-luzzu, twil 30 pied u ma kellu mkien fejn jieħdu, avżawh biex ineħħih. Meta naqas milli jagħmel dan, ikkonfiskawlu l-luzzu.

Is-sajjied, b’qalbu maqsuma, irrakkonta ma’ din il-gazzetta kif waqt it-traġitt saret ħafna ħsara lil-luzzu u anke minħabba l-mod kif qed jinżamm. Dan kien ikkonfermat ukoll minn kumpanija indipendenti li qabbad l-istess Caruana.

Fil-fatt, fil-protest ġudizzjarju huwa qed jakkuża lit-tliet awtoritajiet li aġġixxew b’mod abbużiv u qed jitlobhom iħallsu għad-danni.

Kif wieġbu l-Pulizija u d-Dipartiment tas-Sajd?

Madanakollu, f’kontro-protest, kemm il-Pulizija u anke d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura ħaslu jdejhom minn dan il-każ. Il-Kummissarju tal-Pulizija qed jisħaq li l-preżenza tal-Pulizija waqt l-ikkonfiskar kienet rikjesta minn Transport Malta għaż-żamma tal-ordni.

Id-Dipartiment tas-Sajd saħaq li hu ma ħareġ l-ebda ordni għat-tneħħija tal-imsemmi luzzu u insista li t-tiswijiet u x-xogħlijiet fuq l-iskalin ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità tiegħu.

Dawn iż-żewġ awtoritajiet qed jisħqu li s-sajjied ma għandux fuq xiex jieħu passi ulterjuri kontrihom.

Is-sajjied qed jisħaq li l-Ispettur tal-Pulizija li kien għamel kuntatt miegħu fl-ebda ħin ma qallu meta kienu se jirmonkawlu l-luzzu, anke jekk sa ftit sigħat qabel kien tkellem mal-istess spettur.

Caruana għalfejn ma kienx neħħa l-luzzu?

Caruana kien spjega lill-awtoritajiet li ġaladarba kien laħaq qaxxar il-luzzu ma setax iniżżel il-luzzu l-baħar u li ż-żewġ krejns tal-Hard Standing Facility ma kinux qed jaħdmu għax kien qed isir xi xogħol fuqhom. Minkejja dan, il-luzzu ġie kkonfiskat u minn dakinhar qed jinżamm fi Flagstone Wharf fil-Marsa.

Din il-gazzetta kienet rat ukoll emails li kien bagħat l-istess Caruana lil Transport Malta biex sakemm ilesti, fi żmien tliet ġimgħat, jilħqu jibdew jaħdmu fuq skalin oħra li kellhom bżonn ħafna aktar xogħol, anke għax dan l-iskal kienu għadhom kemm saru xogħlijiet fuqu.

Madanakollu, perit, filwaqt li kkonfermat li l-intervent kien se jkun minimu, qaltlu li l-kuntrattur għandu bżonn jibda jaħdem fuq dan l-iskal biex meta jasal jaħdem fuq l-iskalin fejn ix-xogħol huwa aktar kumpless, ikollu s-sistema ta’ kif se jaħdem diġà stabbilita.

Is-sajjied jista’ jispiċċa bla luzzu

Min-naħa tagħha, l-Awtorità Maltija għat-Trasport, fil-kontro-protest li ressqet ftit tal-ġimgħat ilu qed tisħaq li l-allegazzjonijiet ta’ Caruana huma kompletament infondati u li l-Awtorità Maltija għat-Trasport assolutament mhijiex responsabbli għad-danni u li l-aġir tagħha kien wieħed korrett u skont il-liġi.

Qed titlob ukoll lill-Qorti biex tordna lis-sajjied iħallas dak kollu dovut lilha kif intalab jagħmel diversi drabi.

Din il-gazzetta kienet irrapportat kif Caruana, fil-21 ta’ Novembru, irċieva ittra mingħand l-istess Awtorità biex iħallas is-somma ta’ €2,035 biex ikopri l-ispejjeż għall-irmonk u t-trasport tal-luzzu.

Caruana kien imwissi li jekk ma jħallasx, Transport Malta kienet se tgħaddi biex tinforza dan il-ħlas, kif ukoll il-ħlas ta’ €15 għal kull jum li l-luzzu jdum miżmum. Wissietu wkoll li jekk ma jħallasx, il-luzzu se jinbiegħ bl-irkant biex jinġabar il-ħlas.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti