'Il-Gvern falla milli jindirizza l-problema tal-istudenti li mhux ikomplu jistudjaw' - PN

Il-PN jappella għal pjan serju u fit-tul għall-edukazzjoni f'pajjiżna

Yendrick Cioffi / 11 ta' Frar 2019 12:49
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern qiegħed ifalli milli jindirizza bis-serjetà l-ammont ta' studenti li mhux qed ikomplu bl-istudji tagħhom.

Fi stqarrija, il-PN saħaq li mill-2004 sal-2014 kien qed isir titjib sostanzjali, iżda mill-2014 sal-lum, il-pajjiż ma ra l-ebda forma ta' titjib.

“Dan ifisser li imqar bil-kejl tiegħu stess, il-Gvern Laburista mhu juri ebda titjib fil-qasam tal-edukazzjoni f'pajjizna, u minflok qed joħloq kriżi fl-edukazzjoni,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-PN u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Clyde Puli.

Puli kompla jisħaq li minkejja l-wegħda li se nkunu l-aqwa fl-Ewropa, wara sitt snin ta' Gvern Laburista, l-edukazzjoni f’pajjiżna tinsab ma' tal-aħħar minħabba nuqqas ta' ippjanar.

“L-early school leavers hi ta' problema għal pajjiżna hekk kif dawn l-istudenti ma jkunux jistgħu jaspiraw għall-aqwa impjiegi b'paga tajba, u sfortunatament jispiċċaw fil-morsa tal-pagi baxxi jew saħansitra fiċ-cheap labour, li ħoloq il-Gvern stess bil-politika tiegħu li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni minflok bil-produzzjoni,” kompla Puli.

Spjega kif skont l-istatistika, wieħed minn kull tliet studenti li twieldu fl-2002 qegħdin fir-riskju li jingħaqdu ma' dawk l-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola.

Dan joħroġ minn rapport ippubblikat mill-MATSEC hekk kif dawn naqsu milli jgħaddu minn 5 suġġetti tas-SEC. “Filwaqt li fih innifsu dan ir-rapport huwa inkwetanti, dan mhux l-ewwel rapport ippubblikat fl-aħħar xhur li juri kif il-Gvern qed ifalli milli jindirizza b'serjetà l-ammont tal-istudenti li mhux qed ikomplu bl-istudji tagħhom,” qal il-Kelliem.

Saħaq li dan ir-rapport ikompli jżid mal-bosta problemi li qed juri kriżi fil-qasam tal-edukazzjoni fosthom, lezzjonijiet li qegħdin isiru fil-kontejners, nuqqas ta' sigurtà fl-iskejjel u l-introduzzjoni ta' suġġetti ġodda mingħajr garanzija li hawn biżżejjed għalliema biex jgħallmu

Puli temm jisħaq li l-pajjiż għandu bżonn pjan serju u fit-tul għall-edukazzjoni f'pajjiżna.