Jibda x-xogħol fuq il-bini tal-ewwel żewġ pontijiet tal-Junction tal-Marsa

L-ewwel żewġ pontijiet se jkunu qed jgħaqqdu Triq Garibali, li tagħti għal Ħal Luqa, ma’ Triq Aldo Moro.

Yendrick Cioffi / 11 ta' Frar 2019 12:00
Bdew ix-xogħlijiet fuq il-pedamenti tal-ewwel żewġ pontijiet tal-Proġett tal-Junction tal-Marsa.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg, li spjega kif iż-żewġ pontijiet se jkunu qed jgħaqqdu Triq Garibali, li tagħti għal Ħal Luqa, ma’ Triq Aldo Moro.

B’kollox, dan il-proġett se jkun qiegħed jara l-bini ta’ seba’ pontijiet.

Il-Ministru Borg spjega kif il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta bħalissa qed jiskavaw il-pedamenti għall-ewwel 14 minn 42 pilastru tal-konkrit li fuqhom se jserħu l-pontijiet.

Dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ €70 miljun u se jkun parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. L-ogħla pont ta’ dan il-proġett se jkun għoli erba’ sulari, filwaqt li l-akbar pont se jkun twil 400 metru.

“Dan il-proġett se jkun qed ibiddel il-mod kif il-pajjiż se jkun qiegħed iħares lejn l-infrastruttura tat-toroq,” qal il-Ministru waqt li insista li se jtejjeb ukoll l-aċċessibbilità għan-naħa ta’ isfel tal-pajjiż.

X'se jinkludi aktar dan il-proġett?

Borg spjega wkoll kif it-tielet fażi ta' dan il-proġett se tkun qed tintroduċi aktar minn 1.6 kilometri ta’ passaġġi pedonali u karreġġjati għaċ-ċiklisti

Il-proġett se jinkludi wkoll tliet pontijiet pedonali, erba’ bus laybys ġodda, 0.6 kilometri ta’ korsiji għat-trasport pubbliku u faċilità tal-park and ride bi 380 spazju.