Anton Refalo meħlus mill-akkużi li refa' jdejh fuq ibnu

Il-Maġistrat Joe Mifsud ikkonkluda li ma kienx hemm biżżejjed evidenza

Yendrick Cioffi / 9 ta' Frar 2019 10:42
L-eks Ministru Laburista Anton Refalo nħeles mill-akkużi ta’ vjolenza domestika kontra ibnu u dan wara li l-Qorti tal-Maġistrati ddikjarat li ma kienx hemm biżżejjed provi.

Refalo, li jservi bħala chairperson ta’ Heritage Malta, kien qed ikun akkużat bi vjolenza domestika kontra ibnu wara li dan allegatament xerred ritratti tal-eks tfajla tiegħu.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li tabib li eżamina lil iben Refalo sab li dan kien sofra biss ġrieħi ħfief u li ma kellu bżonn l-ebda trattament.

Barra minn hekk, il-Qorti nnutat ukoll kif il-mara ta’ Refalo, li kienet preżenti waqt l-inċident talbet li ma tixhidx.

Għalhekk, l-uniku evidenza li kellha l-Qorti kienet ix-xhieda mogħtija mill-Pulizija li l-Qorti ma setgħetx iżżomm magħha biss.